Heritage Malta ħabbret li, minn dan ix-xahar sal-aħħar ta’ Ottubru, ħames siti prominenti tagħha se jkunu qed iżidu l-ħinijiet tal-ftuħ bil-għan li l-pubbliku jkun jista’ jesperjenza aktar mill-patrimonju Malti.
Is-siti inklużi f’din l-inizjattiva pilota huma l-wirja ‘An Island at the Crossroads’ fil-Mużew Marittimu u l-Forti Sant’Anġlu fil-Birgu, il-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Forti Sant’Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra fil-Belt Valletta, il-Park Arkeoloġiku ta’ Ħaġar Qim u l-Imnajdra fil-limiti tal-Qrendi.
Il-ftuħ tagħhom se jiġi estiż b’sagħtejn kuljum, siegħa filgħodu u oħra filgħaxija, mid-9:00 ta’ filgħodu sas-7:00 ta’ filgħaxija, biex b’hekk il-viżitaturi jistgħu jgawdu l-mużewijiet matul is-sigħat friski ta’ kmieni filgħodu jew tard waranofsinhar, għal żjara aktar pjaċevoli u komda.
Fl-istess staqrrija, Heritage Malta fakkret lill-pubbliku dwar il-kiosk il-ġdid li nfetaħ dan l-aħħar ħdejn l-Akkwarju Nazzjonali ta’ Malta, f’Buġibba. Hawn wieħed jista’ jikseb tagħrif dwar il-mużewijiet, is-siti u l-offerti tal-aġenzija u jixtri biljetti sa tard filgħaxija.
Minbarra hekk, l-Akkwarju Nazzjonali issa jinkludi wkoll esperjenza immersiva unika maħluqa b’kollaborazzjoni mat-Taqsima tal-Wirt Kulturali ta’ Qiegħ il-Baħar (UCHU) tal-istess entità governattiva.