Ftit qabel it-tlieta ta’ waranofsinhar Adrian Hillman wasal arrestat f’pajjiżna.
ONE News jinsab infurmat li huwa wasal permezz t’ajruplan tal-Air Malta b’titjira mill-ajruport ta’ Heathrow f’Londra.
Nifhmu li fis-sigħat li ġejjin, Hillman, li issa ġie estradit lejn pajjiżna, jitressaq il-Qorti biex jaffaċċja akkużi kriminali marbuta ma’ ħasil ta’ flus u korruzzjoni.
L-eks Direttur Maniġerjali tal-Allied Newspapers, responsabbli mill-pubblikazzjoni tat-Times huwa t-tielet direttur tat-Times li se jispiċċa fl-iżbarra wara Vince Buhagiar u Michel Rizzo.
Fl-aħħar jiem, l-Avukat ta’ Hillman, Stefano Filletti ġie kkwotat jgħid li l-klijent tiegħu mill-ewwel għarraf lill-awtoritajiet bil-post fejn kien fir-Renju Unit u saħaq li għandu l-intenzjoni li jikkollabora tul il-proċess.
Il-każ idur fuq numru ta’ allegazzjonijiet dwar l-operat tal-kumpanija tat-Times u r-relazzjoni tul is-snin bejn it-tmexxija tal-kumpanija u negozji oħra, partikolarment bejn Adrian Hillman u Keith Schembri.
Hu mifhum ukoll li Hillman għandu rabtiet mad-Deputat Nazzjonalista Mario De Marco.
Apparti li Hillman kien il-bestman fit-tieġ ta’ De Marco, id-Deputat Nazzjonalista huwa membru fil-Kunsill tal-Fondazzjoni Strickland, ix-shareholder ewlieni tal-kumpanija tat-Times, Allied Newspapers.