Waqt it-tijira ta’ Afriqiyah Airways bejn Tripoli u Sebha, nhar it-23 ta’ Diċembru, l-hijackers taw ittra lill-kap tal-ekwipaġġ biex jgħaddiha lill-kaptan- fuqha kien hemm miktub “You have to land at Rome or I will explode the airplane.” Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Omar Zammit li ta’ d-dettalji tal-każ kif ġara skont l-investigazzjoni li għamlet il-pulizija lill-passiġġieri, membri tal-ekwipaġġ, il-kaptana u lill-pirati tal-ajru stess.
L-ispettur Zammit ta’ rendikont tal-ġrajja minn xhin it-torri tal-kontroll tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta sar jaf li kien se jinżel ajruplan hijacked, sa x’ġara waqt li l-akkużati kienu fil-kustodja tal-Pulizija.
L-ispettur spjega li t-tim ta’ negozjaturi Maltin tkellmu mal-pirati tal-ajru permezz tal-interpretazzjoni tal-pilota u li meta waslu għal ftehim li jinħelsu l-passiġġieri, bdew minnufih l-interrogazzjonijiet. Iżda kien biss il-bdot, membru tal-ekwipaġġ, u l-akkużati li ttieħdu d-Depot għal iktar investigazzjoni.
Il-Membri tal-Ekwipaġġ ikkonvinċewhom jinżlu Malta
Mill-interrogazzjoni tal-membru tal-ekwipaġġ irriżulta li minkejja l-intenzjoni li l-ajruplan jinżel Ruma, il-membri tal-ekwipaġġ ipprovaw jikkonvinċuhom jinżlu f’ Mitiga, l-Libja iżda minflok qablu li l-ajruplan jinżel Malta. Fuq il-mobile tal-istess membru tal-ekwipaġġ instab ritratt tagħha maż-żewġ pirati tal-ajru, u r-raġuni li tat lill-Pulizija kien li ħadet ir-ritratt biex tkun tista tirrapporta lill-akkużati hi stess.
Il-Mobile tal-akkużat u l-karti abbord juru li kollox kien pjanat
L-ispettur xehed li mill-investigazzjoni tal-oġġetti misjuba, instabu erba’ mobiles tal-akkużati, u f’ wieħed minnhom ta’ Moussa Saha instabu ritratt ta’ pjanta ta’ ajruplan minn ġewwa, ritratt ta’ cockpit tal-ajruplan, ritratti ta’ hand grenades u ritratti ta’ armi tan-nar. Dawn ir-ritratti tniżżlu fuq il-mobile tal-akkużat f’ Ottubru li għadda.
Mit-tfittxija fuq l-ajruplan, instabu diversi oġġetti oħra foshom ittra li kienet tgħid li Moussa Saha huwa l-mexxej ta’ grupp Libjan ġdid bl-isem ta’ Al Fateh al Jali, li l-Ispettur Zammit stqarr li mir-riċerka li saret kien isem ta’ grupp li għandu konnessjonijiet mal-ex mexxej Muhammar Ghaddafi.
L-akkużati baqgħu siekta
L-ispettur qal ukoll li tul l-interrogazzjonijiet, l-akkużati għażlu li jibqgħu siekta u ma jirrispondux għall-maġġoranza tal-mistoqsijiet. Fost oħrajn Ahmed Ali baqa’ sieket għall-mistoqsijiet: għaliex ħareġ ixejjer il-bandiera ħadra, jekk kienx hu li tella l-armi abbord l-ajruplan, jekk huwiex parti mill-grupp ġdid li qed jifforma fil-Libja favur Ghaddafi u jekk kellux xi pożizzjoni fil-passat fil-militar ta’ Ghaddafi- mistoqsijiet li għażel li ma jirrispondix. Ali rrisponda biss li kien qiegħed fuq it-titjira jakkuppanja lil sieħbu.
Tul is-seduta instemgħet ukoll ix-xhieda tal-uffiċjal tal-Armata, Pasquale Papa, li kien hemm meta kienu arrestati l-hijackers. Papa identifika l-akkużati fl-awla u qal li l-akkużati obdew l-istruzzjonijiet kollha mgħotija mis-suldati.
Renald Galea, li dakinhar kien koordinatur tal-Air Traffic Control, xehed kif kien fl-10:50am li kien ikkuntatjat mill-Torri ta’ kontroll Libjan li nformah li l-ajruplan hijaked kien nieżel Malta. Qal kif mal-ewwel bdew il-proċeduri tal-emerġenza u li informa t-torrijiet ta’ kontroll tal-pajjiżi ġirien tagħna.
Il-Passiġġiera ħasbu li niżlu Malta minħabba l-Maltemp
Rappreżentant tal-linja tal-ajru Afriqiyah Airways irrakkonta kif ma kellhomx idea ta’ x’ kien qed jiġri u li kien qed isegwi l-aħħar żviluppi minn Facebook u siti t’ aħbarijiet. Huwa xehed kif meta ikkuntattjaw il-passiġġieri, klijenti tagħhom, għamluha ċara li riedu jitilqu lura l-Libja. Il-Passiġġiera riedu jikkuntattjaw lill-familjari tagħhom biex jassigurawhom li jinsabu tajba u li jixtiequ jirritornaw lura pajjiżhom għax kienu għajjiena u qed iħossu l-bard. Il-Passiġġiera talbu biex jieħdu lura l-bagalji tagħhom. Ir-rappreżentant eżebixxa l-lista tal-passiġġieri lil Qorti li tgħodd 111, 82 raġel, 28 mara u tifel.
Meta niżlu minn fuq l-ajruplan, il-passiġġieri ma kienux imweġġa’ u passiġġiera waħda biss li kienet qed iġġorr lit-tarbija li talbet għal kura medika. Ir-rappreżentant tal-linja tal-ajru ikkonferma li ħadd ma talab għal kura psikoloġika.