Il-każ taż-żewġ Libjani akkużati li wettqu hijack tal-ajruplan tal-linja tal-ajru Afriqiyah se jkompli jinstema’ llum fil-Qorti dan wara li l-Pulizija kompliet tiġbor l-evidenza meħtieġa. Is-seduta se tkun preseduta mill-Maġistrat Anthony Vella u tibda għall-ħabta tad-9.00.
Moussa Saha u Ahmed Ali, wieġbu mhux ħatja quddiem l-akkużi miġjuba kontrihom. L-imputati ma għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest dan hekk kif fil-preżent m’għandhomx residenza fejn jgħixu f’Malta. ONE NEWS jinsab infurmat ukoll, li ż-żewġt irġiel ma għamlu l-ebda talba għall-ażil.
Iż-żewġ persuni qed ikunu akkużati li b’mod gravi intimidaw popolazzjoni filwaqt li ġiegħlu Gvern jew organizazzjonijiet internazzjonali milli jwettqu xi att u gravament jiddestabilizzaw l-istrutturi fundamentali politiċi ekonomiċi u soċjali.
Kienu akkużati wkoll li kienu qed jagħmlu servizz illegali b’theddida ta’ forza u b’forma ta’ intimidazzjoni. Il-Libjani qed jiġu akkużati wkoll li fil-pussess tagħhom kellhom repliki ta’arma tan-nar. L-imputati jistgħu jeħlu sa għomorhom il-ħabs.
L-ajruplan maħtuf kellu jagħmel vjaġġ bejn Tripoli u Sabha u abbord kien hemm mija u ħdax-il passiġġier. Il-Libjani kienu qed jinżammu arrestati fil-Faċilitá Korettiva ta’ Kordin.
one.com.mt se jkun qed iżommkom aġġornati bl-aħħar żvilluppi.