Ħu Anis Amri, ir-raġel li kien suspettat wara l-attakk f’Berlin u li nqatel mill-Pulizija f’Milan, qal li l-familja tiegħu tinsab ċerta li kien hu li wettaq l-attakk barbaru. Abdul Kader Amri, ħu s-suspettat, sostna li ħuh “ma mietx ftit jiem ilu kawża tal-ġrieħi li ġarrab, iżda miet il-jum li ssieħeb ma’ Daesh”, ‘isem’ li bosta jafuh aktar bħala ISIS.
Abdul Kader Amri qal li x’ħin l-aħbar waslet għand familtu fit-Tuneżija, Abdul qal “lanqas biss ċemplilna meta ppubblikaw ir-ritratt tiegħu. Dak kien proprju x’ikkonvinċina li hu kien l-persuna li wettaq dan l-attakk terroristiku.”
“Ninsabu ferm iddispjaċuti dwar il-mewt tiegħu, iżda Anis ma mietx illum, miet l-istess ġurnata li ssieħeb ma’ Daesh. Konna nafu li kien xellef difrhu mal-Pulizija iżda lanqas qatt ma konna nimmaġinaw li se jsir terrorist.”
Abdul qal li hu flimkien ma familtu jinsabu ferm iddispjaċuti dwar dak li ġara.