F’Ħadd il-Palm, il-jum li jagħti bidu għall-Ġimgħa Mqaddsa, li twassal għall-ikbar festa tal-Knisja Kattolika, fi Triq il-Fuħħar f’Ħal Tarxien kien hemm xena mhux tas-soltu, hekk kif din it-triq ingħalqet biex jittella’ kunċert ta’ marċi funebri.
Il-moħħ wara dan il-kunċert huwa Marvic Aquilina, li ilu jiddedika ħinu għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ żmien il-Ġimgħa l-Kbira u l-Għid għal dawn l-aħħar tmien snin, u din is-sena, huwa tella’ dan il-kunċert biex kull min jattendi, jidħol aktar fl-ispirtu ta’ dawn iż-żminijiet.
Marvic itella’ wkoll wirja tal-Ġimgħa l-Kbira.
Qal, “Hija xi ħaġa sabiħa ħafna. Fl-aħħar mill-aħħar dil-wirja, apparti kulturali, hija reliġjuża. Tfakkarna fil-mewt ta’ sidna Ġesu Kristu, u xtaqt li jkun hemm ukoll dawn il-marċi funebri li huma xi ħaġa sinonima mal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta.”
Din is-sena, fil-wirja, wieħed jista’ jsib sett statwi tal-mibki Noel Cauchi, flimkien ma’ vara kbira li hija replika ta’ dik f’Raħal Ġdid u bust ta’ Ġesù Kristu.
Ma’ dan l-istazzjon, Marvic stqarr li kull sena jaħdem biex isebbaħ il-wirja u jżidilha d-dettall, u jistqarr li jkun fil-ġenna tal-art.
Qal, “Hija l-passjoni tiegħi, m’hemmx sajf u m’hemmx xitwa. Dejjem, matul il-ġimgħa dejjem irrid insib il-ħin, niġi hawn, inqatta’ l-ħin u naħdem fuqha, u nara dejjem x’se nagħmel ġdid. Huwa l-passatemp tiegħi, passatemp tiegħi li jtini ħafna sodisdfazzjon.”