Dan huwa Aman. Aman għandu sena u erba’ xhur u huwa oriġinarjament mill-Indja. Iċ-ċkejken li llum qiegħed jagħmel l-ewwel passi tiegħu u f’ħalqu għandu l-kelma ‘nanna’, bħalissa bħalissa jinsab Malta ma’ Feliciann u Fabrizio, koppja li wara ħafna xhur ta’ stennija illum b’sens ta’ kburija jintroduċu lilhom infushom bħala l-ġenituri ta’ Aman.
F’filmat li tellgħu l-koppja fuq il-midja soċjali nistgħu naraw il-mument li Aman tħaddan għall-ewwel darba m’ommu Feliciann dan bi skop li jħajru aktar koppji jadottaw bħalma għamlu huma.
Felicienne u Fabrizio qalu li “Mal-ewwel qisni bbondjajna miegħu, ħassejna qisna ġa konn ltqajna miegħu qabel. – Naħseb li l-esperjenza hija xi ħaġa hekk emozzjonali, speċjalment għamilna dawk qisu fifteen minutes nistennewh propja mbagħad tarah ġej, tibda tgħid minn fejn ġej, minn hemm, minn hemm u mbagħad tarah hija quite emotional.”
Il-ġenituri t’Aman iddeċidew li jaqsmu l-vjaġġ tagħhom mill-proċess tal-adozzjoni sal-waqt li Aman rifes għall-ewwel darba f’Malta.
Stqarru magħna li “Minn dejjem kienet togħġobna l-adoption, l-idea ta’ multicultural family, tagħmel sens inti trid issir parent, huma għandhom bżonn familja. – adoption hija mod ieħor kif tista’ issir familja u minn dejjem kienet xi ħaġa li kienet tħajjarna ħafna allura speċi morna għaliha.”
Stqarru magħna li huma kienu fortunati biżżejjed li l-proċess tal-adozzjoni ħa biss sena u li sabu ħafna appoġġ kemm mill-familja kif ukoll mill-aġenzija Tama li għenuhom tul il-proċess sħiħ.
Huma qalu “Mill-proċess tal-adoption ta’ kulħadd ikun differenti iġifieri jkun hemm stejjer forsi iktar diffiċli oħrajn iktar faċli, aħna forsi konna kemxejn iktar lucky. Hu proċess twil, hu proċess ftit stramb minħabba li huwa proċess burokratiku ħafna. Qed tagħmel ħafna karti, tiddealja ma’ ħafna karti timla u speċjalment karti biss qed timla int.”
Minkejja l-proċess tedjanti u mimli b’ħafna burokrazija, il-koppja ma qatgħetx qalbha, anzi kienu determinati biżżejjed li ffilmjaw il-vjaġġ tagħhom minn Malta lejn l-Indja sabiex iħajru aktar nies jagħmlu’ l-istess.
Qalu li “Forsi min ikollu dubju ta’ bonding, ma naħsibx li hija biża’ li għandha għalfejn iżżommok lura għax mill-ewwel tibbondja miegħu iġifieri. – Xi ħaġa li forsi jkollok xi dubju, issaqsi, hawn ħafna sapport bħalissa forsi qabel kienu jbatu naqra iżjed il-koppji biex jadottaw jew individwi għax anke hawn single parents li qegħdin jadottaw. Esperjenza li once li tagħmilha tgħid, jekk kelli xi dubji tgħid għalfejn, tipo imnalla.”
Il-koppja spjegawlna li qabel ma setgħu jiġu Malta kellhom iqattgħu xahar l-Indja sakemm il-proċess kollu kien komplut u dan iż-żmien serva t’għajnuna għaċ-ċkejken Aman sabiex jidra l-ambjent ġdid ta’ madwaru.
Feliciann iddeskriviet din l-adozzjoni bħala l-isbaħ rigal li qatt setgħet tirċievi din is-sena. Stqarret li l-Milied din is-sena kien speċjali kemm għal Aman iżda iktar u iktar għall-familji li ssaħħru wara dan iċ-ċkejken daħkan u enerġetiku għall-aħħar.
Spjegaw kif “Kellna mmorru għand iż-żewġ familji, ovvjament kulħadd irid igawdih, għadda malajr għax tant bdejna nieħdu pjaċir, kien differenti ħafna, speċjali. Kien sabiħ ħafna speċjalment għan-nanniet tagħna, għan-nanniet tiegħu parents tagħna u n-nanniet tiegħu. Kien differenti u sabiħ ħafna.”