L-iskop fundamentali tal-missjonijiet diplomatiċi, li ħafna drabi nirreferu għalihom bħala ambaxxati, huwa li pajjiż jew organizzazzjoni jkollhom rappreżentanza f’pajjiż jew f’organizzazzjoni oħrajn. Dan isir biex iħarsu l-interessi tagħhom filwaqt li jippromwovu l-interessi komuni f’oqsma bħall-politika, l-ekonomija, il-kummerċ, u s-sigurtà.
Malta u r-Renju Unit ilhom b’missjonijiet dipomatiċi għand xulxin sa minn meta Malta ħadet l-Indipendenza u, konsegwentement, hi wkoll saret Stat sovran. Dawn il-missjonijiet diplomatiċi, li f’pajjiżi tal-Commonwealth minflok ambaxxata jew b’xi isem ieħor jissejħu Kummissjoni Għolja, iwettqu xogħol li jidher, iżda ħafna iktar li ma jidhirx.
Wara l-mewt tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni, il-Kummissjoni Għolja ta’ Malta fir-Renju Unit f’Malta u dik ta’ Malta fir-Renju Unit, kellhom jagħmlu xogħol marbut ma’ dan l-avveniment sotriku ta’ niket u mal-organizzazzjoni tal-funeral tagħha.
Dwar dan One News tkellem maż-żewġ Kummissarji Għolja.
Il-Kummissarju Għoli ta’ Malta għar-Renju Unit, Emanuel Mallia, spjega l-ħidma tat-tim diplomatiku Malti f’Londra b’rabta ma’ dawn l-aħħar żviluppi.
Qal, “Ir-rwol tal-Kummissjoni Għolja: għandi tim; it-tim huwa ferm effiċjenti, kulħadd fir-rwoli separati tiegħu. Pero, inkunu qed insegwu dak li qed jiġri: protokoll, ninfurmaw anki lill-Gvern Malti b’dak kollu li jkun qiegħed jiġri u nkunu qed insegwu b’mod attiv…” Kompla billi qal, “… u nipparteċipaw b’mod attiv fl-avvenimenti li jkunu qegħdin iseħħu minħabba dan il-funeral.”
Min-naħa tagħha, il-Kummissarju Għoli tar-Renju Unit għal Malta, Cathy Ward, tkellmet dwar l-irwol tat-tim tagħha f’dawn iċ-irkustanzi straordinarji.
Qalet, “F’każijiet bħal dan, fejn sfortunatament dik li kienet il-Kap tal-Istat tagħna ħallietna, l-irwol tagħna huwa li nagħmlu ktieb tal-kondoljanzi u nimmaniġġjawh, li ngħaddu messaġġi bejn l-Istat li qed jilqagħna u l-Istat tagħna, li nispjegaw informazzjoni dwar l-arranġamenti għall-funeral, li nirrappreżentaw lil pajjiżna fi kwalunkwe attivitajiet kommemorattivi li jorganizza l-Istat ospitanti, uli nkunu r-rappreżentanti tal-Monarkija hawnhekk, fil-pajjiż fejn qed inservu.”
Il-funeral tar-Reġina Eliżabetta t-Tieni se jsir nhar it-Tnejn, 19 ta’ Settembru.
Min-naħa tiegħu, il-President ta’ Malta qal li malli ssir stedina biex il-Kapijiet ta’ Stat jattendu għall-funeral u jekk ikun hemm l-arranġamenti, jara kif jagħmel u jkun preżenti.