Il-ħidma konġunta tal-Gvern mal-kumpanija Steward Health Care se tkompli ttejjeb il-qasam tas-saħħa f’Malta, li diġà huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa fid-dinja. Dan hekk kif jum ilu biss il-qasam tas-saħħa f’Malta tpoġġa fid-9 post fi studju minn The Lancet.
Fi stqarrija, il-Gvern innota li l-Steward Malta qed tkompli tagħmel progess notevoli b’ħidma fuq iċ-ċentru tal-anatomija, u l-iżvilupp tal-iskola Medika f’Għawdex. Dan se jwassal għall-proġetti li hemm maħsuba għall-Isptar San Luqa u Karin Grech, u l-Isptar ta’ Għawdex.
Il-Gvern fakkar li Steward Malta qed tinvesti €22 miljun fil-bini tal-iskola medika Barts, u €2.2 miljun oħra fil-bini taċ-ċentru tal-anatomija. Issa li mexa x-xogħol fuq l-iskola medika, il-kumpanija se tagħti prijorità akbar lill-bini ta’ sptar tal-ogħla kwalità f’Għawdex.
Il-Gvern temm jgħid li Steward Health Care wera biċ-ċar li huwa sieħeb li wieħed jista’ joqgħod fuqu li kapaċi jmexxi u jwettaq dak miftiehem, u jsarrafhom f’ proġetti tal-ogħla kwalità.