Il-qafas regolatorju dwar il-blockchain u l-cryptocurrency qed jiġġenera iżjed kummerċ f’pajjiżna. Il-kumpanija Fracture Labs qed taħdem fuq logħba diġitali bbażata fuq it-teknoloġija blockchain. Il-logħba ‘Decimated’ tuża tokens marbuta ma’ oġġetti utli fil-logħba stess minn min ikun qed jilgħab. Dawn it-tokens jiswew ammont ta’ flus kemm bil-munita normali imma wkoll fuq il-kambju Malti tal-Munita Crypto bl-isem ZBX.
Il-kap eżekuttiv ta’ Fracture Labs, Stephen Arnold spjega kif it-tokens abbinati mal-affarijiet mirbuħa jew mixtrija fil-logħba jistgħu jissarrfu jew jinbiegħu fi flus normali jew cryptocurrency skont il-valur.
Arnold spjega li filwaqt li diġà hemm logħob simili fuq skala iżgħar, sa issa għad m’hemmx logħba żviluppata b’dan il-kobor fis-settur. Saħaq li l-fatt li Malta għandha qafas regolatorju fis-settur jagħmel lil pajjiżna l-għażla naturali għal kull min irid jinvesti u jikber f’dan il-qasam.
Il-ko-fundatur u kap eżekuttiv ta’ ZBX, Dave Pulis saħaq kif il-blockchain hija teknoloġija iżjed sigura għax hija permanenti u ma tistax titħassar. Dan jagħmel il-cryptocurrency munità iżjed sigura li tegħleb iċ-ċans t’abbuż minn hackers u reati oħra. Huwa stqarr li għalkemm dan is-settur għadu fl-infanzja tiegħu u mhux kollox ward u żahar, jidher li l-prospetti huma sbieħ. Dan għax biex settur ikun sod u jħalli impatt pożittiv fil-pajjiż, irid ikollu struttura b’saħħitha – li għal dan is-settur diġà tidher li qed tiġi ffurmata sew.