Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva ħabbar kif għaddejja ħidma biex is-servizz tas-Silver-T jiġi estiż fuq bażi nazzjonali.
Dan se jsir permezz ta’ kuntratt għall-vetturi elettriċi.
Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanità Attiva Michael Farrugia saħaq kif mill-jum tal-Ġimgħa, dan is-servizz ġie estiż fil-lokalità tal-Mellieħa.
Dan is-servizz li huwa wieħed bla ħlas, huwa offrut lil anzjani ’l fuq minn sittin sena li jkollhom bżonn assistenza fil-qadi tagħhom.
Qal, “Il-Mellieħa hija t-22 lokalità fejn qed noffru servizz b’xejn tat-trasport għall-anzjani, magħruf bħala s-Silver-T. Dan huwa wieħed minn 24 servizz lill-anzjani biex ikomplu jgħixu fil-komunità.”
Il-Ministru Farrugia spjega li kif biex dan is-servizz isir wieħed nazzjonali, is-servizz tas-Silver-T se jibda jitħaddem fuq sistema ta’ tnax-il żona biex l-anzjani jkunu jistgħu jmorru lil hinn mil-lokalità tagħhom.
Dr Farrugia nnota kif matul is-sena li għaddiet saru 8,275 vjaġġ b’rabta mas-servizz tas-Silver- T.
Vjaġġ li jwassal lill-anzjani lejn postijiet essenzjali fl-istess lokalità fejn jgħixu.
Dawn il-vjaġġi jsiru bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mis-sebgħa ta’ filgħodu sas-sagħtejn ta’ wara nofsinhar.