Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed jikkoordina diversi eżerċizzji ma’ bosta entitajiet bil-għan li jkompli jissaħħaħ il-pjan nazzjonali f’każ ta’ inċidenti kbar jew diżastri naturali.
Dan ħabbru l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia f’konferenza tal-aħbarijiet fi ġnien l-Argotti l-Furjana, fejn spjega li dawn l-eżerċizzji huma importanti ferm għall-operat ta’ dan id-dipartiment.
Il-Ministru fakkar li l-baġit tal-Protezzjoni Ċivili għas-sena d-dieħla se jkun qed ilaħħaq is-seba’ miljun ewro.
Investiment bla preċedent li saħansitra se jlaħħaq l-investiment totali li kien seħħ fil-Protezzjoni Ċivili tul l-aħħar tlettax-il sena ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista.
Il-Ministru spjega li l-investiment se jiffoka fuq diversi partijiet tal-operat fosthom aktar vetturi ġodda, investiment fir-riżors uman u investmient kbir fl-istazzjonijiet biex ikunu jifilħu għal terremot.
Tkellem ukoll dwar l-investiment li se jkompli jsir fil-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta. Fakkar kif ir-rata ta’ kriminalità f’pajjiżna qiegħda dejjem tonqos u dan huwa importanti sabiex il-Maltin u dawk li jiġu f’pajjiżna ikunu jistgħu jgħixu moħħhom mistrieħ u b’mod sigur.