Fil-jiem li ġejjin il-Gvern se jniedi dokument ta’ konsultazzjoni biex f’ħidma mal-imsieħba ewlenin is-settur finanzjarju jittieħed għal-livell li jmiss.
Ħabbar dan il-Prim Ministru Joseph Muscat f’laqgħa tal-membri tal-Kabinett mal-Kamra tal-Kummerċ.
Il-Prim Ministru sostna li l-għan tal-Gvern għall-ħames snin li ġejjin hu li jkompli bil-pass li qabad fl-aħħar erba’ snin. Erba’ snin fejn l-ekonomija ssaħħet, ġie rreġistrat surplus, u grazzi għall-istabilità tal-pajjiż u ħidma pro-business tal-Gvern – fosthom bir-roħs ta’ ħamsa u għoxrin fil-mija tal-kontijiet – kiber l-investiment.
Issa, tenna li rridu mmorru lil hinn minn dan, fosthom b’inizjattivi li jsaħħu l-ħaddiema. Bħal li jingħataw lura btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa. Suġġett li għalkemm konrtoversjali għal entitajiet bħall-Kamra tal-Kummerċ, se ssir ħidma biex tinstab l-aqwa soluzzjoni.
Innota kif il-pajjiż issa jmissu titjib kbir fl-infrastruttura, fosthom bil-pjan ta’ seba’ snin biex jitranġaw it-toroq kollha tal-pajjiż. Imma mhux biss. Anke f’deċiżjonijiet importanti dwar l-istrateġija tal-immaniġġjar tal-iskart.
Tkellem ukoll dwar l-Air Malta – fejn saħaq li għad fadal post għal-linja nazzjonali tal-ajru, li għaddejja bi programm ta’ tkabbir – biż-żieda fil-flotta u fit-titjiriet. Dan biex tkun tista’ sservi anke ta’ pont bejn il-kontinent Ewropew u dak Afrikan. Għal dan il-għan innota kif se jkun hemm diskussjonijiet mal-ħaddiema biex isiru l-ftehimiet kollettivi.
Tenna li l-Gvern se jibqa’ qrib il-partijiet interessati biex Malta tibqa’ miexja lejn ekonomija b’saħħitha imma ġusta.