Ħaddiema mid-Dipartiment tal-Gvern għat-Tindif u l-Manutenzjoni rnexxielhom inaddfu l-Belt u l-Furjana fi ftit ħin waqt u wara l-attivitajiet kollha tal-Karnival fl-aħħar jiem, hekk kif ġabru aktar minn 36 tunellata ta’ skart b’kollox mill-Belt u l-Furjana.
Ħaġa li tkompli turi kif l-investiment tal-Gvern f’din id-diviżjoni u l-ħaddiema tagħha qed iħalli l-frott tiegħu, partikolarment f’attivitajiet tal-massa, bħalma kienet din li ġibdet lejja eluf kbar ta’ familji u dilettanti.
Dwar dan ħadna r-reazzjoni tad-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment, Ramon Deguara, li spjega li l-ħidma tagħhom, b’rabta mal-Karnival, ma waqfitx it-Tlieta li għadda.
“Il-ħaddiema llum għandhom il-makkinarju, għandhom l-apparat tal-aqwa teknoloġija li teżisti, li f’pajjiżna naħseb li llum sirna mera wkoll għal pajjiżi barranin li jaraw lilna u jieħdu l-mudell tagħna fuq dak li investejna fih aħna. Ix-xogħol tal-Karnival kien impenjattiv ħafna u issa baqa’ fażi oħra tal-Karnival jiġifieri t-tkissir tal-karrijiet biex jinġabar dak l-iskart kollu li jiġġeneraw il-karrijiet u jibda jiżżarma.”
Ramona Deguara, Direttur Ġenerali
Deguara żied jgħid li l-ħaddiema tagħhom jinsabu wkoll lesti u ppreparati għall-bidu tal-festi tradizzjonali individwali fil-lokalitajiet, li wkoll iġibu magħhom ħidma ma taqta’ xejn.
“Is-sajf li għadda ħdimna fuq madwar 41 festa fil-lokalitajiet, ippreparati biex issa anke nġibu numru akbar ta’ festi u nkomplu nagħtu servizz lill-komunitajiet kollha bl-aħjar mezzi ta’ ndafa li jista’ jkun hemm.”
Ramon Deguara, Direttur Ġenerali
Tkellimna wkoll mas-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-indafa pubblika, Glenn Bedingfield, li tenna l-impenn tal-Gvern biex pajjiżna jibqa’ jkun wieħed nadif, f’kull xahar u f’kull staġun.
“Dan hu kollu mertu tal-ħaddiema, għax għandna tim li huma tajbin għandhom illum investiment f’makkinarju. Aħna dan l-impenn li l-ħaddiema tagħna juru jkunu qed juruh matul is-sena kollha f’avvenimenti li ġejjin kbar, fosthom is-sajf Saint Patrick’s. It-taqsima tagħna tara li x-xogħol isir kif suppost.”
Glenn Bedingfield, Segretarju Parlamentari