Anke jekk is-settur turistiku bħalissa mhux wieħed daqstant bieżel, ħidmet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma waqfitx tul il-pandemija. Dan seta’ jidher ċar anke minn spezzjonijiet li saru minn uffiċjali tal-Awtorità stess, b’numru ta’ spezzjonijiet regolari fuq stabbilimenti li kienu obbligati bi protokolli mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.
Dan ħareġ fi żjara li għamel il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fl-uffiċini tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu. Hawn iltaqa’ wkoll mad-diversi ħaddiema li grazzi għalihom l-Awtorità baqgħet għaddejja.
Ma’ dawn, il-Ministru Bartolo semma kif il-Gvern qed jassigura li jkun hemm bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
Huwa qal, “Qed naraw illi nkomplu anke aħna, tramite l-industrija tat-turiżmu , nipprovaw insibu l-bilanċ bejn il-ħajjiet u anke l-għajxien tan-nies. Dan huwa l-commitment tagħna bħala Gvern illi anke nkompli ngħinu u nassistu fejn hemm bżonn sabiex b’hekk nassiguraw illi nkomplu nsostu anke l-impjiegi f’pajjiżna.”
Il-Minsitru Bartolo saħaq ma’ ONE News ukoll li dan il-perjodu għandu jservi ta’ żmien fejn isiru l-preparamenti fis-settur għal meta tgħaddi l-pandemija.
Huwa tenna: “Mill-banda l-oħra jien qiegħed inħeġġeġ sabiex dawk il-lukandi u ristoranti li għandhom jagħmlu xi xogħol partikolari jagħmluh matul dan iż-żmien sabiex hekk, hekk kif jonqsu r-restrizzjonijiet, pajjiżna jkun minn ta’ quddiem nett fit-tellieqa dinjija sabiex nibdew nerġgħu nattiraw lit-turisti lejn pajjiżna.”