Bħalissa bosta ħaddiema għaddejjin b’ħidma lejl u nhar biex jitlesta t-terminal tal-fast ferry fil-Belt Valletta.
Dan hekk kif il-fast ferry se jibdew jaqsmu bejn il-Port tal-Imġarr f’Għawdex għall-Belt mill-ewwel ta’ Ġunju li ġej.
Il-vjaġġ mistenni jieħu inqas minn tliet kwarti u kull katamaran b’tul ta’ erbgħin metru se jgħabbi sa tliet mitt passiġġier.
F’messaġġ fuq Facebook il-Ministru rringrazzja lill-ħaddiema kollha li bħalissa qed jaħdmu qatigħ biex dan it-terminal isir realtà.
Proprju ftit tal-jiem ilu waslu f’Malta ż-żewġ opri tal-baħar b’investiment ta’ għaxar miljun ewro fuq bastiment, xena li fissret ħidma kbira biex finalment dan is-servizz jibda jiġi offrut lill-Għawdxin, lill-Maltin u anke lit-turisti.