Bejn l-2012 u l-2022 b’kollox ġew miżmuma jew irkuprati mal-€40miljun f’benefiċċji soċjali.
Dawn iċ-ċifri ħarġu minn konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal fejn ngħataw dettalji dwar il-ħidma mid-Diviżjoni tal-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza fi ħdan il-Ministeru biex jiġi assigurat li l-benefiċċji soċjali jmorru għand min verament għandu bżonnhom.
Fil-fatt, tul din il-konferenza ġie spjegat kif, bejn l-2016 u l-2022, sar skutinju fuq 26,850 applikazzjoni ġdida ghal dawn ix-xorta ta’ benefiċċji. Dan l-eżerċizzju kontinwu rrenda €10 miljun f’benefiċċji li ma kellhomx jitħallsu mid-dipartiment u li jistgħu jiġu investiti f’każijiet li verament jeħtieġu għajnuna.
Minnhom instab illi 50 fil-mija tal-applikazzjonijiet kellhom nuqqasijiet mal-informazzjoni li tikseb it-taqsima minn dipartimenti varji. Jirriżulta wkoll li minn dawn l-applikazzjonijiet li dwarhom jirriżultaw nuqqasijiet, jiġu miċħuda nofshom. Dan għaliex id-dħul kapitali tal-persuni li japplikaw għall-benefiċċji jkunu jeċċedu l-ammonti skont il-proviżjonijiet tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali.
Dwar dan u aktar ,ONE News tkellem mas-Sur George Cremona, li huwa d-Direttur tad-Diviżjoni għall-Għajnuna Finanzjarja u Osservanza.
“Fl-aħħar 10 snin, mill-2012 ’il quddiem, il-każijiet żdiedu minħabba wkoll l-għodda li llum għandna fid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u fl-Income Support and Compliance Divison. Barra minn hekk fl-aħħar 10 snin żidna wkoll il-koperazzjoni ma’ Dipartimenti oħrajn u allura, bejn wieħed u ieħor, €40 miljun li ġew iffrankati jew overpayments li nħolqu, dawk huma l-frott ta’ kollaborazzjoni ma’ Dipartiment oħrajn u kif ukoll l-għodda teknoloġika li għandna llum il-ġurnata biex inkunu nistgħu nirkutinizzaw il-means tested benefits.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Michael Falzon spjega li dan l-eżerċizzju jinkludi, fil-qofol tiegħu, il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Dan hekk kif, filwaqt li l-Gvern kommess li jgħin lil min l-aktar li għandu bżonn, daqstant ieħor għandu jara li min ma jkunx intitolat għall-għajnuna ma jiħux dak li mhux tiegħu.
Jekk inħarsu lejn is-sena li għaddiet bħala eżempju, kellna madwar 1,000 każ li ġew investigati li wasslu għall-iffrankar ta’ €4.9 miljun. Grazzi lill-ħaddiema li jaħdmu fid-dipartiment u grazzi wkoll – forsi anke sservi ta’ eyeopener – għall-fatt li d-Dipartiment għandu wkoll is-sistemi kompjuterizzati li bihom jivverifika l-informazzjoni li jingħata mill-applikanti.