Kieku ma kienx Partit Laburista fil-Gvern, kieku l-pensjonanti illum qed jieħdu pensjonijiet ferm aktar baxxi.
Dan kawża ta’ deċiżjonijet ta’ amministrazzjonijiet Nazzjonalisti fil-Gvern li ma ħasbux fil-pensjonanti tal-lum imma biss f’dawk li twieldu wara l-1962 u li jaqilgħu l-ogħla salarji.
Dan joħroġ minn informazzjoni li rnexxielu jikseb ONE News u li tpenġi stampa ċara tad-differenza fil-politika taż-żewġ partiti politiċi fil-Gvern fil-konfront tal-anzjani Maltin u Għawdxin.
Gvern Nazzjonalista fl-2004 kien ippubblika White Paper li fiha kien fost oħrajn ressaq numru ta’ rakkomandazzjonijiet għal riforma fil- pensjonijiet. It-tibdil kien iddaħħal fil-liġi wara li kien approvat mill-Parlament fil-5 ta’ Diċembru 2006 u ffirmat mill-President ta’ dak iż-żmien Eddie Fenech Adami fis-7 ta’ Diċembru 2006.
Fi ftit kliem id-diskriminazzjoni li ħoloq Gonzi PN bejn dawk il-pensjonanti li twieldu qabel l-1962 u dawk li twieldu wara, jiffoka fuq l-Ogħla Dħul pensjonabbli, il-Pensjoni Minima Garantita u kif tiżdied il-pensjoni kull sena.
Din id-diskriminazzjoni li nħolqot spjegaha b’mod ċar ma’ ONE News, is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika u d-Drittijiet tat-Tfal, Mark Musù.
Qal, “Filwaqt li dawk li twieldu wara l-1962 kien iddaħħal għalihom mekkaniżmu li kien ibbażat 70% tiegħu fuq kemm jgħolew il-pagi u 30% tiegħu kemm tgħola l-inflazzjoni, fil-każ ta’ dawk li twieldu qabel l-1962, il-garanzija li ngħatatilhom kienet li l-penzjoni tagħhom tgħola bil-COLA sħiħa biss
Fil-fatt, skond iċ-ċifri li ra ONE News, bil-Partit Nazzjonalista fil-Gvern, fl-aħħar 10 snin il-Pensjoni Minima u dik Massima ta’ dawk li twieldu qabel 1962 kienet tiżdied bil-COLA biss, cioe b’€32.62 fil-ġimgħa. Dan filwaqt li minn din is-sena ‘il quddiem setgħet tgħola b’iżjed imma għal dawk biss li twieldu fl-1962 jew wara.
Fl-aħħar nett, il-kumplament tal-pensjonijiet ta’ dawk li twieldu qabel l-1962 kienu jiżdiedu bil-COLA biss waqt li minn din is-sena ‘il quddiem setgħu jogħlew b’iżjed imma għal dawk biss li twieldu fl-1962 jew wara.
Biex jelimina din id-diskriminazzjoni lampanti, Partit Laburista fil-Gvern ra li jwassal żidiet addizzjonali biex flimkien ma’ COLA pjuttost għolja ta’ bħalissa, biex l-effett tad-diskriminazzjoni li ħoloq il-PN fl-2006 qed jiġi newtralizzat u mhux jolqot lill-maġġoranza l-kbira ħafna tal-pensjonanti, li jammontaw għal madwar 90%.
Fil-fatt, il-Pensjoni Minima tal-pensjonanti kollha żdiedet b’bejn €50.28 u €69.21 fil-ġimgħa. Bejn €17.66 u €36.59 fil-ġimgħa iżjed milli kien iggarantixxa l-PN fil-Gvern. Il-Pensjoni Massima ta’ dawk li twieldu qabel 1962 żdiedet b’€49.40 fil-ġimgħa
Il-kumplament tal-pensjonijiet ta’ dawk li twieldu qabel 1962 żdiedu b’mill-anqas €49.40 fil-ġimgħa, waqt li minn din is-sena ‘il quddiem setgħu jogħlew b’iżjed imma għal dawk biss li twieldu fl-1962 jew wara.
Stqarr, “Iridu jittieħdu wkoll azzjonijiet oħrajn li ħa jkunu qegħdin jittieħdu mis-sena d-dieħla ’l quddiem sabiex gradwalment u matul medda ta’ snin, il-pensjonanti kollha twieldu meta twieldu, jiġu fuq l-istess keffa, fuq l-istess livell u jibdew jieħdu l-istess żidiet.”
Intant, Musù temm jgħid li mis-sena d-dieħla se tittieħed ukoll azzjoni favur dawk li twieldu qabel l-1962 u kienu fuq l-ogħla salarji.
Tenna, “Bl-azzjonijiet li ħadna ggarantejna li għal madwar 90% tal-pensjonanti, it-tibdil li kien iddaħħal ma jagħmlilhom l-ebda differenza fis-sena li ma jkunux żvantaġġjati, b’mod partikolari dawk li twieldu qabel l-1962. Mis-sena d-dieħla ’l quddiem se nieħdu azzjoni wkoll biex dawk li kienu fuq l-ogħla salarji u li twieldu qabel l-1962 bil-mod il-mod, jinġiebu fuq l-istess livell ta’ dawk li twieldu wara.”