Ħidma konġunta kontra t-traffikar uman Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli mexxiet delegazzjoni inter-ministerjali responsabbli mit-twettiq tar-riforma li se tindirizza l-problema tat-traffikar uman, f’laqgħat f’Londra ma’ uffiċjali għolja Ingliżi li qasmu l-esperjenzi tagħhom f’dan il-qasam. Din ir-riformi hi waħda mill-ħafna riformi importanti li għandha taħt id-dekasteru tagħha Julia Farrugia Portelli. L-iskop prinċipali ta’ din ir-riforma hu li tingħata protezzjoni lil persuni vulnerabbli li jiġu sfruttati għal skopijiet ta’ xogħol, ta’ sess u ta’ organi fost l-oħrajn. Iż-żjara seħħet bil-għajnuna tal-Kummissjoni Għolja Ingliża f’Malta li qed tkun ta’spalla għall-Gvern Malti fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Il-laqgħat segwew taħriġ speċjalizzat li ngħata riċentament lill-ħaddiema tal-Aġenzija Identità Malta biex issaħħaħ l-isforzi tagħha flidentifikazzjoni ta’ ħaddiema li qed isofru xi forma ta’ abbuż.
“It-traffikar uman mhux xi fenomenu ġdid imma l-globalizzazzjoni ġabet magħha żieda f’din it-tip ta’ kriminalità bla preċedent. Hu d-dmir tagħna li nagħtu lura l-libertà lil dawk il-vittmi ta’ esplojtazzjoni. L-iskjavitù moderna hi problema internazzjonali li timmerita soluzzjoni internazzjonali. Malta hi grata għall-Gvern Ingliż li qed quddiem nett fil-ġlieda tagħna biex nindirizzaw din il-problema”, qalet is-Segretarju Parlamentari. Waqt dawn il-laqgħat, Julia Farrugia Portelli tenniet l-impenn tal-Gvern li fiż-żmien qarib jimplimenta pjan ta’ azzjoni nazzjonali bl-involviment konġunt ta’ entitajiet governattivi u tal-forzi tal-ordni maħsuba biex tiġi indirizzata din il-problema u fuq kollox tingħata għajnuna u tama ġdida lill-vittmi.