Il-ħaddiema tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni fl-aħħar tmiem il-ġimgħa kienu impenjati sew sabiex inaddfu partijiet mill-pajjiż li ntlaqtu mir-riħ qawwi li ħakem lill-gżejjer Maltin.
Fil-fatt hekk kif fl-aħħar tmiem il-ġimgħa ir-riħ kien kien ġej minn naħa tal-Grigal u l-Lvant, il-kosta Maltija fil-Lvant ntlaqtet minnu.
Dwar dan ONE News tkellem mad-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni hekk kif spjega x-xogħlijiet li kien hemm bżonn isiru, partikolarment f’diversi bajjiet.
Waħda minnhom kienet il-bajja tal-Għadira wara li r-riħ qawwi tella’ r-ramel fil-bajja għat-triq biswit il-bajja.
Deguara tenna, “Ilna tlett ijiem mobilizzati fuq il-bajja tal-Għadira. Nafu li għaddejjin xogħlijiet infrastrutturali f’dik it-triq ukoll allura l-problema kompliet tikber aktar. L-ammont ta’ ramel li tela’ tul dawn it-tlett ijiem prattikament ma stajniex inlaħħqu miegħu. Kellna nimmobilizzaw tliet gaffef on site sabiex dak ir-ramel li jitla’ fit-triq nerġgħu nneħħuh.”
Flimkien mal-bajja tal-Għadira, Deguara spjega wkoll kif l-istess xogħol kien involut fil-bajjiet tal-balluta f’San Ġiljan u dik ta’ San Tumas.
Hawnhekk Deguara tenna wkoll kif ix-xogħol jinvolvi t-tindif tal-alka li tinġema fil-bajjiet u li ta’ kull sena din id-diviżjoni tiġbor mal-5,000 tunnellata minnha.
Id-Direttur Ġenerali qal, “Hemm proċess li jrid jsir li l-alka li niġbru trid tibqa’ fuq il-bajjiet tagħna sabiex jiffiltraw l-elementi tan-natura minn ġewwa l-alka stess u wara 48 siegħa din tkun tista’ titneħħa. Jiġifieri dak li jkun jara muntanji tal-alka dan huwa parti mill-proċess sabiex l-alka imbagħad titneħħa u tkun tista’ titqassam kemm lill-bdiewa. Il-bdiewa ħafna minnhom jitolbu ammont ta’ alka biex jużawhom fl-għelieqi tagħhom.”
Deguara kompla jispjega kif dik l-alka li tibqa’ ma tinġabarx mill-bdiewa umbagħad tittieħed il-Magħtab.
Id-Direttur Ġenerali ta’ din id-Diviżjoni temm jgħid li fi ftit żmien jibdew jitħejjew il-preparamenti sabiex il-bajjiet kollha ta’ pajjiżna jkunu kollha lesti sabiex jilqgħu fihom numru kbir ta’ persuni li jagħżlu jqattgħu l-ġranet sajfin tagħhom il-baħar.