Wara s-suċċess li kellha l-kampanja ‘Insebbħu Pajjiżna’, is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar ħabbar li dan it-tisbiħ ta’ pajjiżna se jibda jsir fuq bażi regolari.
Dan intqal waqt żjara li għamel is-Segretarju Permanenti flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Indafa Pubblika, Deo Debattista, lil diversi ħaddiema li kienu għaddejjin b’xogħolhom f’Birżebbuġa.
Matul l-ewwel kampanja ta’ ‘Insebbħu Pajjiżna’ inġabru sitt mija u tletin tunnellata ta’ skart mit-toroq, mitejn u sebgħin tunnellata ta’ skart tal-kostruzzjoni li kien mormi illegalment, kif ukoll elfejn u seba’ mitt tunnellata ta’ alka minn diversi bajjiet.
Barra minn hekk, inżebgħu mitejn u sbatax-il central strip, inbidlu erba’ mija u sitta u tmenin bozza tat-triq kif ukoll issewwew erbgħa u ħamsin ħajt tas-sejjieħ.
Fl-istqarrija ġie nnutat ukoll li tneħħew elfejn u tliet mitt tabella illegali.