Ġeru li kellu jiġi minn Spanja f’Marzu, issa jinsab fi ħdan familja wara ħidma imprezzabbli mill-ħaddiema tal-Air Malta u tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u dawk Ewropej. Il-ġeru kellu jiġi minn Barċellona f’Marzu wara li fil-bidu tas-sena tħalla jikber ftit sakemm ikun jista’ jivvjaġġa fuq ajruplan.
Meta f’Marzu waqfu ħesrem it-titjiriet minħabba t-tixrid tal-Coronavirus, dan il-ġeru baqa’ lampa stampa fi Spanja iżda l-ħaddiema tal-Air Malta u dawk tal-Ministeru baqgħu jaħdmu biex jasal il-jum li dan il-ġeru jiġi għand familja li tgħix f’Malta. Il-ġeru bl-isem ta’ Mambo wasal f’Malta ftit tal-jiem ilu wara li l-Air Malta kkuntatjat il-familja u qaltilha li se tkun qed topera b’titjiriet ta’ ripatrijazzjoni lejn Madrid.
Għalhekk minn hemm bdiet ħidma biex il-ġeru jivvjaġġa b’taxi ta’ sitt sigħat minn Barċellona għal Madrid filwaqt li l-Air Malta u l-Ministeru kkordinaw ħidma ma’ tliet pajjiżi li kellhom il-lock down.
Finalment Mambo wasal f’Malta xi ftit beżgħan għal bidu iżda ma damx ma beda jferfer denbu u jiġri madwar id-dar tal-familja li mtliet b’ferħ liema bħalu bil-wasla tal-ġeru.