Hekk kif issa fadal ftit żmien biex jintlaħaq qbil sal-31 t’Ottubru, id-data li fiha r-Renju Unit se jitlaq mill-Unjoni Ewropea, il-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali dwar l-Artiklu Ħamsin tlaqqa’ fil-Lussemburgu biex jiġu diskussi l-aħħar żviluppi dwar Brexit.
Matul dan il-Kunsill, in-negozjatur ewlieni tal-Unjoni Ewropea Michel Barnier ta rendikont tad-diskussjonijiet li sar f’dawn l-aħħar ġranet. Skont Barnier, ir-Renju Unit huwa ġenwinament lest li jaqbel fuq diversi prinċipji li sa issa ma kienx hemm qbil fuqhom, fosthom dwar kif l-Irlanda ta’ Fuq tista’ tibqa’ parti mill-Unjoni Doganali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt tal-awtoritajiet tal-Irlanda ta’ Fuq li jagħtu kunsens unilaterali kif ukoll id-dikjarazzjoni politika li fuqha se jkun imsejjes il-ftehim futur li r-Renju Unit jista’ jkollhu mal-Unjoni Ewropea.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza Edward Zammit Lewis qal li “għandna nkomplu nisħqu fuq l-importanza li jkun hemm ftehim dwar it-tluq tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea. Jekk ma jkunx hemm qbil, se jkun hemm riperkussjonijiet fuq iż-żewġ naħat”. Huwa saħaq li dan il-ftehim għandu jħares l-integrità tas-suq ewlieni filwaqt li l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tinsisti fuq il-kwistjoni ta’ level playing field li r-Renju Unit irid jassigura fil-ftehim kummerċjali futur li jista’ jkollhu mal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Zammit Lewis ħa sehem ukoll fil-Kunsill għall-Affarijiet Ġenerali li fost oħrajn iddiskuta t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027 fil-kuntest tas-summit tal-mexxejja Ewropej li se jsir din il-ġimgħa.
Dwar il-budget tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Zammit Lewis saħaq fuq l-importanza tal-fondi ta’ koeżjoni u kif dawn jistgħu jkomplu jgħinu reġjuni jkomplu jiżviluppaw. Huwa żied li mingħajr dawn il-fondi fl-Unjoni Ewropea jkollna ċittadini tal-ewwel u tat-tieni klassi għalhekk huwa importanti li dawn il-fondi ma jonqsux ħalli d-disparitajiet bejn ir-reġjuni jitnaqqsu.
Dwar il-proċess tat-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, il-Ministru Zammit Lewis qal li Malta hija favur li jinfetħu n-negozjati mal-pajjiżi kandidati bil-kundizzjoni li jkun hemm rispett lejn is-saltna tad-dritt u li l-istituzzjonijiet ikunu preparati.
Il-Ministru Zammit Lewis irrimarka li l-preġudizzju jinħoloq mhux jekk nibdew il-proċess iżda jekk ma nibdewx dan il-proċess. Huwa sostna li jeżistu riskji f’dan il-kuntest, primarjament li tonqos it-tama tan-nies u tal-politiċi li poġġew il-missjoni politika tagħhom biex jersqu aktar lejn l-Unjoni Ewropea, kif ukoll li l-istess Unjoni tista’ titlef il-kredibilità minħabba li dawn il-pajjiiżi għamlu l-għalmu tagħhom biex jersqu viċin l-Unjoni.
Ritratti: MEAE