Il-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Kwalità tal-Ħajja u l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba għaddejjin b’ħidma biex issir pressjoni fuq livell Ewropew ħalli dawk il-persuni li sofrew diżabiltà kawża tal-pillola Thalidomide, jieħdu kumpens xieraq.
Din il-mediċina kienet tittieħed minn nisa tqal, fil-ħamsinijiet u s-sittinijiet.
Mal-Ministru Julia Farrugia Portelli u l-Ewroparlamentari Alex Agius Saliba, ingħaqad wieħed mill-vittmi ta’ din il-pillola.
Qal, “L-iskop huwa illi niġbru dawn li salvaw mit-Thalidomide taħt kappa waħda. Wieħed irid jgħid li tul dan iż-żmien kollu jiġifieri, matul dawn is-60 sena qatt ma kien hemm assoċjazzjoni tirrappreżenta t-Thalidomide survivors hawn Malta.”
Bħalissa għaddejja ħidma biex tinġabar informazzjoni dwar dawn il-persuni f’pajjiżna, li għadhom ħajjin u jbatu minn diżabilità kawża ta’ din il-mediċina.
Huwa maħsub li f’Malta hawn bejn tletin u erbgħin persuna li huma vittmi ta’ din il-pillola.
Il-Membru Parlamentari Ewropew, Agius Saliba qal kif dawn il-persuni ħaqqhom kumpens minn fondi Ewropej.
Spjega, “Il-ġimgħa li għaddiet, fil-Parlament Ewropew bdejt pressjoni mal-Kummissjoni Ewropea sabiex fl-aħħar mill-aħħar, il-pazjenti Maltin u oħra Ewropew li ġew affettwati mill-mediċina tat-Thalidomide. Mediċina li kienet tittieħed mingħajr ma kienu jafu ħafna ommijiet li kienu tqal, il-pazjenti li għexu, illum ħafna minnhom għandhom madwar 60 sena jew aktar jingħataw kumpens xieraq.”
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza li dawn il-persuni jersqu ’l quddiem.
Qalet, “Aħna rridu naraw issa li jkollna statistika miġbura f’pajjiżna u allura għaldaqstant l-appell tagħna huwa li jkun hawn persuni li huma survivors, li għadhom ħajjin u li huma qed isoffru minn diżabiltà, minħabba l-mediċina li ħadet ommhom. Ikellmuna, jagħmlu kuntatt mal-Ministeru tal-Inkluzzjoni u l-Kwalità tal-Ħajja biex aħna nkomplu nsegwu dan il-każ flimkien.”