Saret laqgħa informali mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fejn tlaqqgħu l-kunsillieri kollha, li ngħataw ir-responsabbiltà tal-ħarsien tal-annimali fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom wara li x-xahar li għadda ġew eletti fl-elezzjonijiet madwar il-pajjiż kollu.
Il-laqgħa ġiet indirizzata mid-Direttur Joseph John Vella mid-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said.
Fost l-oħrajn, ġew diskussi għadd ta’ inizjattivi implimentati mid-Direttorat li daħlu fis-seħħ fl-aħħar ġimgħat u xhur, inkluża l-kampanja għat-tiswija tal-annimali, l-iskema tat-tmigħ tal-qtates stray u l-introduzzjoni tal-liġi ġdida għall-groomers, pet sitters u pet boarders.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said tenniet dwar l-importanza li, bħala Gvern, jisimgħu lill-kunsillieri li, wara kollox, huma l-vuċi tar-residenti tagħhom biex b’hekk jiġu implimentati aktar prattiċi favur l-annimali.
“Kellna laqgħa informattiva ma’ diversi membri tal-kunsilli lokali madwar Malta u Għawdex fejn ħadt gost ħafna nitkellem u nisma’ direttament mingħand dawk li jaħdmu direttament fil-lokalitajiet. Laqgħat bħal dawn ikomplu jservu ta’ għajnuna biex inkomplu nimplimentaw policies favur il-ħarsien tal-annimali u anke nimplimentaw skemi bħal dik tal-cat feeders u naħdmu fuq oħrajn.”
Id-Direttur Vella ħabbar kif il-kampanja tat-tiswija tal-qtates b’xejn baqgħet fis-seħħ, bid-differenza ta’ bdil tal-klinika li tipprovdi dan is-servizz.
“L-għan ta’ din il-laqgħa hi li niddiskutu l-implimentazzjoni tal-iskema tal-għotja tal-vawċers tal-feeders kif ukoll tar-regolamenti u kif se jiġu implimentati, fl-istess waqt sinerġija u kif tista’ tinħoloq flimkien mal-kunsilli lokali għall-aħjar tal-annimali.”
Sar appell ukoll biex persuni, li jinzertaw jew ikunu jafu b’każi ta’ abbuż fuq l-annimali, iċemplu fuq in-numru 1717.