Infrastructure Malta qed ittemm it-tieni fażi tal-proġett tal-junction tal-Marsa, b’għadd ta’ xogħlijiet fi Triq il-Marsa, li tgħaqqad Ħal Qormi ma’ Triq Aldo Moro, il-Marsa.
It-tarf tan-naħa tan-nofsinhar ta’ Triq il-Marsa, hekk kif tingħaqad ma’ Triq Aldo Moro biswit iċ-Ċimiterju tat-Torok, ser tkun magħluqa bejn is-Sibt l-1 ta’ Settembru u l-Ħadd 16 ta’ Settembru. Waqt li t-triq tkun magħluqa, il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta jkunu jistgħu itemmu b’mod sigur l-aħħar xogħlijiet tal-korsiji ġodda li nbnew fid-direzzjoni tal-Belt Valletta fi Triq Aldo Moro u tas-sistemi tad-distribuzzjoni tas-servizzi ġodda li tpoġġew taħthom. F’din il-ħidma, dawn il-korsiji ġodda u s-sistemi ta’ taħthom ser jingħaqdu mal-korsiji u s-servizzi ta’ Triq il-Marsa u ta’ Triq il-Gvern Lokali, li nbniet mill-ġdid bħala parti minn dan il-proġett ukoll.Minħabba dan l-għeluq, meta tkun qed tivvjaġġa minn Triq il-Marsa mid-direzzjoni ta’ Ħal Qormi, ser tiġi ggwidat biex tuża r-rotta alternattiva mit-toroq tal-Marsa Industrial Estate, li jwassluk għal Triq Garibaldi. L-aċċess minn u lejn Triq il-Marsa minn Ħal Luqa u mill-Marsa Industrial Estate ser jibqa’ miftuħ u mhux ser ikun milqut mix-xogħlijiet.
Fid-direzzjoni bil-kontra, peress li l-ħruġ minn Triq Aldo Moro lejn Triq il-Marsa ser ikun magħluq, meta tkun trid tmur lejn Ħal Qormi trid tuża l-istess rotta alternattiva billi minn Triq Garibaldi ddur lejn il-Marsa Industrial Estate. Tista’ wkoll tibqa’ għaddej fi Triq Aldo Moro u ddur lejn Ħal Qormi mill-Marsa-Ħamrun Bypass.
Tabelli li juru dawn id-direzzjonijiet u rotot temporanji tpoġġew fi Triq Garibaldi, Triq Aldo Moro, il-Marsa Industrial Estate u f’għadd ta’ toroq oħra fl-inħawi sabiex jiggwidaw lil dawk li jkunu qed jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi.
Il-Marsa Junction Project jinkludi l-bini ta’ toroq ġodda, sistema ta’ seba’ pontijiet f’livelli differenti, passaġġi u korsiji għall-mixi u għar-roti, faċilitajiet tal-park and ride, żoni msebbħa b’siġar u pjanti u infrastruttura oħra sabiex ittejjeb il-kwalità, s-sigurtà u l-effiċjenza ta’ l-aktar ħolqa traffikuża tas-sistema tat-toroq Maltin. Il-proġett ser inaqqas b’mod drastiku l-ħin tal-ivvjaġġar u t-tniġġis tal-arja kkawżat mill-konġestjoni tat-traffiku billi jneħħi s-sistema preżenti ta’ sinjali tat-traffiku bid-dwal li hemm biswit iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u minflokha jinbnew 12-il kilometru ta’ korsiji ġodda li jwassluk b’mod dirett f’kull waħda mid-direzzjonijiet differenti li jingħaqdu flimkien f’dawn l-inħawi.
Il-proġett qed jitwettaq f’għadd ta’ fażijiet sabiex jonqsu d-diffikultajiet lil dawk li jivvjaġġaw u jgħixu f’din iż-żona. Infrastructure Malta qed toffri rotot alternattivi u miżuri temporanji oħra meta l-korsiji tat-toroq preżenti jkunu magħluqin minħabba x-xogħlijiet. Fl-istess waqt, meta jitlestew korsiji ġodda, qed jinfetħu biex jibdew jintużaw mill-ewwel ħalli jkomplu jnaqqsu d-diffikultajiet fl-ivvjaġġar f’dawn l-inħawi anke qabel ma jkunu tlestew is-seba’ pontijiet ippjanati f’dan il-proġett.
L-ewwel fażi tal-Marsa Junction Project, li kienet tinkludi t-twaqqigħ ta’ żewġ fabbriki antiki sabiex minflokhom jinbnew il-pontijiet u t-toroq ġodda, tlestiet aktar kmieni din is-sena. Fi Frar, bdiet it-tieni fażi, li kienet tinkludi l-bini ta’ korsiji, bankini u korsiji għar-roti ġodda fi Triq Aldo Moro, il-bini mill-ġdid tat-trejqa maġenb il-korsiji fid-direzzjoni tan-nofsinhar kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Gvern Lokali fl-istess inħawi. Dawn ix-xogħlijiet waslu biex jitlestew. B’hekk Infrastructure Malta tkun tista’ tibda wkoll l-aħħar u l-itwal fażi, li tinkludi l-bini tal-pontijiet u strutturi oħra.