Waqt it-tnedija tal-Pride Awards, tħabbar li l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-EuroPride Valletta 2023 se tonora persuni li ddistingwew ruħhom f’Malta u f’pajjiżi oħrajn, f’oqsma differenti billi taw spinta lid-drittijiet ċivili tal-komunità LGBTIQ+ u taw servizz eċċezzjonali lil nies b’orjentazzjoni sesswali differenti.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg, ħabbret li l-pubbliku se jingħata l-opportunità li jagħżel ir-rebbieħ tal-“People’s Choice Award”, fejn se jkunu nnominati tliet persuni permezz ta’ votazzjoni, li tibda fid-29 ta’ Awwissu u se tagħlaq ftit ġranet qabel jitħabbru r-rebbieħa tal-premjijiet.
Fit-12 ta’ Settembru fil-Pride Village fi Pjazza Tritoni se jkunu mħabbrin ir-rebbieħa.
Il-ġurija se tagħżel ir-rebbieħa f’seba’ kategoriji oħrajn, li jinkludu awards bħal dik għal “Transcendence in Artistry”, għall-aktar persuna li permezz ta’ forom differenti tal-arti, tat kontribut għall-kawża tal-komunità LGBTIQ+.
Buttigieg saħqet li l-premjijiet, li se jingħataw, huma turija ta’ għarfien u apprezzament għall-ħidma ta’ persuni li jkunu għamlu aktar minn dak li normalment hu mistenni minnhom biex ikattru r-rispett, l-aċċettazzjoni, id-dinjità u l-imħabba lejn u bejn il-persuni LGBTIQ+.
Qalet, “Matul l-għaxart ijiem tal-EuroPride se jkollna numru ta’ attivitajiet differenti li jolqtu sezzjonijiet differenti fis-soċjetà tagħna biex inkomplu inwasslu l-messaġġ ta’ ugwaljanza mill-qalb.”
Il-President tal-Allied Rainbow Communities Maria Azzopardi, qalet li huma sodisfatti bil-Pride Awards, għax iservu ta’ opportunità għal rikonoxximent lil min b’xi mod ikun għamel jew qed jagħmel differenza fil-kisba tad-drittijiet favur il-komunità LGBTIQ+.