Permezz ta’ servizz ġdid, il-Kunsill Lokali Naxxar qiegħed jagħmel statement qawwi li l-inklużjoni soċjali hija xi ħaġa li titfisser u titwettaq fil-prattika u mhux biss xi ħaġa fuq il-karti.
Dan qalitu l-ET l-President tar-Repubblika, Marie-Louise Coleiro Preca, meta l-Erbgħa filgħodu, flimkien mas-Sindku, Anne Marie Muscat Fenech Adami, u l-Kunsillieri tan-Naxxar inawgurat is-servizz ta’ trasport Point to Point (P2P).
Għaċ-ċerimonja tal-okkażjoni kien hemm preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, l-Onor Silvio Parnis, il-kelliem għall-oppożizzjoni għall-Gvern Lokali, l-Onor Robert Cutajar u l-Kunsillieri.
Dan huwa servizz on demand bla ħlas offrut mill-Kunsill Lokali Naxxar bil-kontribuzzjoni ta’ numru ta’ negozji Naxxarin. Is-servizz jaħdem billi persuna ċċempel fuq 79555665 u xufier jiġborha u jwassalha f’post ieħor fin-Naxxar. M’hemmx restrizzjonijiet ta’ etajiet iżda jekk tkun il-ħtieġa, l-ewwel preferenza jieħduha dawk li l-aktar għandhom diffikultà ta’ mobilità, u anzjani.
Fid-diskors tagħha s-Sindku semmiet kif dan is-servizz kien ħolma tagħha minn snin ilu u li kellha taħdem kontra ħafna kurrenti għaliex kien hemm min m’emminx li dan jista’ jkun possibli. Mal-ħatra tagħha bħala Sindku ftit aktar minn sena ilu, hija bdiet mill-ewwel bid-diskussjonijiet fejn sabet appoġġ u inkoraġġiment kbir mis-Sinjura Claudia Taylor East ta’ SOS Malta u s-Sinj. Helga Ellul.
Permezz ta’ dan is-servizz se jkunu milquta diversi oqsma, inkluż dak ambjentali għaliex wieħed jista’ jevita li joqgħod juża l-vettura privata tiegħu. Madanakollu l-aktar importanti se jkun l-inklużjoni, speċjalment għall-anzjani b’diffikultà li joħorġu minn djarhom, li issa se jkunu jistgħu jagħmlu dan b’mod faċli u jkunu jistgħu jagħmlu qadi u jiltaqgħu mal-ħbieb biex jirrilassaw. Element ieħor se jkun dak tal-ġenerazzjoni ta’ aktar negozju.
L-ET Marie-Louise Coleiro Preca stqarret li ħassitha onorata ħafna li kienet mistiedna għal din l-okkażjoni u faħħret lill-Kunsill Lokali Naxxar għal dan il-pass. Sostniet li permezz ta’ dan is-servizz l-anzjani se jkunu empowered u jsiru aktar parti mill-komunità. B’hekk il-Kunsill qiegħed joffri kwalità ta’ ħajja għola.
Il-President ta’ Malta semmiet li dan se jkollu wkoll effett fuq issues ambjentali filwaqt li apprezzat ħafna l-fatt li qed tara kollaborazzjoni ma’ għaqdiet, negozji u anki sapport mill-Gvern. Għalhekk dan huwa servizz b’sapport ħolistiku.