Il-Gvern qed juri biċ-ċar l-impenn tiegħu lejn is-setturi tal-biedja u s-sajd biex ikompli jsostnihom, anke fi żminijiet diffiċli.
Kien dan il-messaġġ ewlieni tal-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, waqt konferenza tal-Gvern bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbiltà’.
Il-Ministru Refalo ta rendikont tal-miżuri li tħabbru fil-Budget għas-sena d-dieħla, fosthom dik ewlenija li tirrigwarda l-emendi fl-Att dwar it-Tiġdid tal-Kiri ta’ Raba’; emendi leġiżlattivi li se jassiguraw li bdiewa li jikru raba’ agrikolu mingħand sidien privati jkunu jistgħu jkomplu jikkultivaw l-art u jinvestu fl-oqsma sabiex tkun żgurata s-sostenibbiltà tas-settur agrikolu mingħajr ma jkollhom ir-riskju li tittiħdilhom l-art li jaħdmu.
Huwa qal, “Aħna se nwaqqfu l-emoraġija ta’ kawżi kostituzzjonali li hemm fil-Qorti u fl-istess ħin nagħtu s-serħan il-moħħ lil bl-iewa u r-raħħala tagħna. Fl-istess ħin, aħna għamilna White Paper importanti wkoll, fejn hemmhekk aħna qed nagħtu l-viżjoni tagħna u xi rridu għal dan is-settur fis-snin li ġejjin biex ikun aktar sostenibbli.”
Fil-fatt, dwar dawn l-emendi fil-liġi, il-Ministru Refalo pparteċipa wkoll f’laqgħa ta’ konsultazzjoni ma’ bdiewa u raħħala sabiex il-Gvern jisma’ dak li qed jgħidu dawk li jaqilgħu l-ħobża tagħhom ta’ kuljum minn dan is-settur. Din il-laqgħa saret qabel ma jiġuffinalizzati l-emendi proposti mill-Gvern.
Intant, waqt l-elenku tiegħu tal-miżuri li tħabbru fil-Budget għas-sena li ġejja, il-Ministru Refalo sostna li s-sigurtà tal-ikel hija prijorità ewlenija ta’ dan il-Gvern u għalhekk is-sena d-dieħla se jkun qed isir xogħol fuq diversi miżuri li se jkunu kruċjali biex isostnu lis-settur agrikolu favur il-produzzjoni tal-ikel sostenibbli.
Din tinkludi l-politika nazzjonali għal katina ta’ ikel aktar b’saħħitha bl-għan li jintgħelbu l-isfidi u jinħolqu opportunitajiet fid-diversi oqsma li jmissu mal-produzzjoni tal-ikel.
Sostna, “Il-miżuri li tħabbru f’dan il-Budget dwar dan is-settur huma importanti. Huma importanti għaliex, speċjalment wara ż-żmien tal-pandemija li għadha kif għaddiet, u kif ukoll tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna, huma importanti għax jagħtu sostenibbiltà lil dan is-settur u jagħmluh iktar b’saħħtu.”
Il-Ministru Refalo semma wkoll kif fil-jiem li ġejjin se titħabbar skema sabiex jiġu inċentivati s-sidien tal-artijiet sabiex jidħlu f’arranġament ma’ bdiewa li jixtiequ jaħdmu l-art għall-produzzjoni organika.
Dwar is-setturi tal-akwakultura u s-sajd, il-Ministru Refalo rrimarka ħidma intensiva li se twassal biex is-sena d-dieħla, kemm is-settur tas-sajd kif ukoll tal-biedja se jkomplu jibbenefikaw minn għotjiet u appoġġ finanzjarju, sabiex jiżdied l-investiment u jitjieb l-operat.
Dan filwaqt li ggarantixxa appoġġ sħiħ rigward il-benesseri tal-annimali grazzi għal aktar ħidma s-sena d-dieħla fuq diversi liġijiet li jirregolaw dan is-settur.