Il-kundizzjonijiet bażiċi għall-pipeline tal-gass bejn Malta u l-Italja qegħdin hemm. Iddikjara dan l-ambaxxatur għall-Italja f’Malta Giovanni Umberto De Vito, meta kien intervistat mis-sit maltaprofile.info.
Qal li t-tlestija ta’ pipeline tal-gass bejn Malta u l-Italja jkun jiddependi fuq diversi fatturi u li dan huwa proġett fit-tul, filwaqt li kkonferma li hemm bosta studji li diġa’ huma lesti. Qal li ENI diġa’ lestew studju wieħed filwaqt li sussidjarja ta’ kumpanija Belġjana bbażata f’Milan għaddejja b’ieħor.
Żied li issa se jkunu kruċjali l-fondi Ewropej u tenna li ż-żewġ pajjiżi jridu jfittxu dan l-appoġġ flimkien.
Qal li l-pipeline qed ikun imfassal skont ir-regoli Ewropew u fi stadju iktar ‘ l quddiem se jkun qed iwassal biex Malta tkun tista’ tieħu sehem f’hub tal-enerġija fil-Mediterran.
L-ambaxxatur ikkonferma kif il-gvernijiet taż-żewġ pajjiżi qed jaħdmu flimkien fuq dan il-proġett b’laqgħa politiċi u tekniċi jsiru kemm fl-Italja u kemm f’Malta.
Qal li wieħed irid iżomm f’moħħu s-swieq Ewropej u tal-Afrika ta’ Fuq u nnota kif il-gvern Taljan japprezza l-appoġġ li ta l-gvern Malti għal konessjoni elettrika bejn Sqallija u t-Tuneżija.
Għall-gvern, li f’pajjiżna jrid li ma jibqax jiddependi fuq iż-żejt il-proġett tal-pipeline huwa prijorita u minbarra t-taħdidiet li għaddejin fl-aħħar ġimgħat bdew ukoll testijiet fuq l-art. “Malta u l-Italja flimkien huma kapaċi jibdlu l-Mediterran f’hub ta’ enerġija bejn l-Ewropa u l-Afrika,” temm jiddikjara l-Amabaxxatur Umberto De Vito.