Il-Kumpanija Malta Dairy Products li tipproduċi l-prodotti tal-Benna, assigurat li f’dan iż-żmien fejn id-domanda għall-prodotti friski żdiedet, qed tieħu l-miżuri kollha biex tassigura li tilħaq id-domanda għall-prodotti lokali friski magħmula mill-ħalib.
Dan apparti li ħabbret li se tkun qed tagħti prodotti friski bħala donazzjoni lil bosta ħaddiema tal-Awtoritajiet tas-Saħħa u taċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm li bħalissa qed jiddedikaw is-servizzi tagħhom għall-benefiċċju tagħna.
Fi stqarrija l-kumpanija qalet li se tkompli taħdem biex tibqa’ tipprovdi prodotti ġenwini għal fuq l-imwejjed tagħna ta’ kuljum. Wegħdet ukoll li tinsab preparata sew biex taffaċċja dan iż-żmien ta’ sfida u qed taħdem bi sħiħ biex tassigura provvista kontinwa tal-prodotti Benna.