Leli Genovese mir-Rabat hu presepist bi snin twal t’esperjenza, fejn l-imħabba li għandu għall-arti tal-presepji u l-Milied jittrasferixxiha lejn dawk kollha li għallem din l-arti tul s-snin u għadu jagħmel dan sal-lum.
Flimkien miegħu, iltqajna wkoll ma’ bintu Rita, li flimkien jorganizzaw u jgħallmu kemm lir-Rabtin u lil dawk interessati, permezz tal-Għaqda Presepji Rabat, li ħolqu huma stess.
Leli spjegalna kif il-ħidma fuq il-presepji tieħu xhur sħaħ, fejn jibda kollox minn biċċa ġablow u wara diversi proċessi, joħroġ ir-riżultat finali li wieħed ikun jista’ jara u japprezza.
Hu u bintu qalulna kif dan ix-xogħol ħafna lanqas jirrealizzaw kemm jirrikjedi spejjeż u ħin, liema anke delizzju ftit għadhom jagħmluh, partikolarment minħabba n-nuqqas ta’ ħin li wieħed ikollu.
Madankollu, bħala għaqda, qed jaraw li t-tradizzjoni tkompli u fil-fatt jilqgħu fi ħdanhom konkorrenza mill-isbaħ ta’ persuni ġejjin minn faxex differenti tal-ħajja.
Tkellimna ma’ Leli fejn spjegalna minn fejn beda d-delizzju tiegħu.
“Jiena bdejt ili żmien kont għadni tfal, kien jaħdimhom missieri qabel, kont immur naqra ħdejh kien jagħmilhom tal-kartapesta u, imbagħad, darba ddeċidejt li nibda nagħmel xi ħaġa jien għalija għad-dar u kien hemm xi ħadd qalli ‘isma’, aħdimli presepju!’ u bdejt naħdem għan-nies.”
LELI GENOVESE
Spjegalna kif bdew jagħtu l-korsijiet, bix-xogħol li jkun sar anke mill-istudenti ta’ kull età, jiġu esebit, l-aktar b’mod prominenti waqt is-suq tal-Milied li jittella’ fir-Rabat, ‘Natalis Notabilis’.
Rita, li wkoll toħloq il-presepji tagħha, tħarreġ lin-nies hi wkoll bħal missierha, avolja matul is-sena ġieli ma jkunux jistgħu jaċċettaw lil kulħadd minħabba l-ispazju limitat li għandhom.
Qalulna li kull sena, minn wara Marzu, jibdew jinżlu ta’ kuljum fil-garaxx biex jagħmlu xi ħaġa, ħafna drabi għal ħinijiet twal, fejn il-ħidma waslet biex tul is-snin, kienu l-bosta presepji li ħadem ta’ kull daqs u għamla.
Qalilna li dan il-passatemp huwa wieħed li jagħtih dejjem sodisfazzjon kbir u ħeġġeġ lil kulħadd biex jitħajjar.
“Jiena min irid, jiena kwalunkwe tfal, irġiel, nisa, anzjani. Ħinijiet jagħżlu huma, għax jien dejjem hawn ġurnata sħiħa. Min jista’ filgħodu u min filgħaxija, il-courses nibdihom minn Marzu ħalli nlaħħaq għall-Milied u l-ħin jagħżluh huma.”
LELI GENOVESE