Linji gwida tal-Awtorità tax-Xandir ser ikunu qed jaraw li tiżdied il-preżenza tan-nisa fuq ix-Xandir Malti. Dan wara li studju fir-Rapport Annwali għas-sena li għaddiet maħruġ mill-Awtorità tax-Xandir wera kif hemm diskrepanza bejn in-numru ta’ preżentaturi irġiel u dawk nisa.
Filfatt, ir-rapport juri kif kważi sebgħa u sittin fil-mija tal-preżentaturi, ġurnalisti u kummentaturi li jippreżentaw programmi ta’ diskussjoni u ġrajjiet kurrenti huma irġiel. Dan filwaqt li ftit iktar minn wieħed u erbgħin fil-mija huma nisa.
Iċ-Chairman tal-Awtorità tax-Xandir, Frank Farrugia stqarr li dan ir-rapport annwali li jiġi ppreżentat kull sena fil-parlament, din id-darba jinkludi fih ukoll studju dwar il-preżenza tas-sessi fuq ix-xandir Malti biex b’hekk ikun stabbilit ix-xogħol li jrid isir biex tinkiseb l-ugwaljanza anki fuq il-midja.
“Din hija xi ħaġa li llum mhux biss fix-xandir, imma fl-oqsma kollha, jiġifieri hemm iktar ‘awareness’ fuqha fis-sens li, bil-fors trid tiġi.. ma nistgħux nibqgħu sejrin f’din is-sitwazzjoni. Aħna f’Malta għamilna qabża kbira fejn jidħlu drittijiet ċivili, u din hija waħda minnhom importanti u għalhekk l-awtoritá tara kif tiġi atwata, fejn mhux se tiġi atwata, jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet fejn nibdew nagħtu penali.”
L-istudju sab ukoll li hemm diskrepanza ikbar fl-ammont ta’ nisa li jkunu mistednin fuq il-programmi ta’ diskussjoni fuq suġġetti differenti. Filfatt fuq politika kważi 88% tal-mistednin kienu irġiel filwaqt li tlettax fil-mija kienu nisa. Dan filwaqt li 87% ta’ dawk mistednin biex jitkellmu fuq ix-xena tal-ispettaklu kienu rġiel filwaqt li tlettax fil-mija biss kienu nisa.
Farrugia stqarr li l-Awtorità m’għandiex biss l-irwol ta’ regolatur tax-xandir iżda toffri wkoll taħriġ sabiex ikun żgurat li l-prodott tax-xandir lokali ikun tal-ogħla livell.
Iċ-Chairman tal-Awtorità stqarr ukoll kif l-pandemija ġabet sfidi kbar għax-xandir Malti, l-istess kif ġara mad-dinja kollha, pero issa nkixfu ċertu nuqqasijiet li issa jistgħu jiġu ndirizzati.
“Naħseb li darb’ oħra, jekk allaħares qatt nerġa’ ngħid, terġa’ tiġri, se nkunu preparati iktar u se noffru prodott aħjar.” (9 secs)