Enemalta plc waslet biex tlesti ħidma ta’ tisħiħ u tkabbir tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Għawdex, biex iżżid l-affidabilità tas-servizz lill-klijenti tagħha f’din il-gżira.
Fi stqarrija qalet li dan ix-xogħol ta’ tisħiħ jagħmel parti mill-investiment ta’ €80 miljun, in-Network Reinforcement Project, li Enemalta nediet fl-2014. F’Għawdex, il-proġett jinkludi l-iżvilupp taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni 33 kV fix-Xewkija, tibdil ta’ apparat f’għadd ta’ 11 kV substations u ż-żieda ta’ madwar 12-il kilometru ta’ high voltage cables impoġġija taħt il-livell tat-triq.
B’dan it-tisħiħ, is-sistema tad-distribuzzjoni tkun aktar flessibbli u jkollha l-infrastruttura meħtieġa biex tipprovdi għall-ħtiġijiet tal-elettriku tal-preżent u tal-futur.
Dan it-tisħiħ ser jagħmel is-sistema tal-elettriku aktar affidabbli billi jnaqqas ir-riskju ta’ qtugħ fil-provvista għall-klijenti, waqt li jnaqqas ukoll it-tul ta’ ħin ta’ qtugħ fil-provvista meta jinqalgħu ħsarat tal-maltemp, ħsarat naturali jew diffikultajiet oħra li jistgħu jolqtu s-sistema tal-elettriku.
Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni fix-Xewkija huwa t-tieni ċentru li Enemalta għandha f’Għawdex. Iċ-ċentru l-ġdid ser itejjeb is-sigurtà tal-provvista f’Għawdex hekk kif il-gżira mhux ser tibqa’ tiddependi biss minn sistema waħda. Għawdex huwa mqabbad mas-sistema nazzjonali tad-distribuzzjoni tal-elettriku fuq il-gżira ta’ Malta permezz ta’ għadd ta’ 33 kV cables impoġġija f’qiegħ il-baħar fil-fliegu. Uħud minn dawn il-cables jgħaddu wkoll mill-gżira ta’ Kemmuna, bejn iż-żewġ gżejjer, fejn Enemalta għandha ċentru tad-distribuzzjoni ieħor. Sa ftit ilu, dawn il-cables kienu jipprovdu l-elettriku lill-klijenti f’Għawdex permezz taċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Qala biss. Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tax-Xewkija qed idaħħal ħolqa alternattiva ġdida fis-sistema tal-elettriku, bil-kapaċità li jipprovdi għad-domanda tal-elettriku f’Għawdex direttament minn Malta.
Enemalta qed tqiegħed ukoll 12-il kilometru ta’ high voltage cables fi trinek taħt l-art f’għadd ta’ lokalitajiet biex tiżviluppa konnessjonijiet alternattivi li jwasslu l-elettriku miċ-ċentru l-ġdid għal inħawi differenti tal-gżira. Uħud mis-substations f’Għawdex ukoll qed jiġu msaħħa b’apparat ġdid biex jilqgħu għal dawn il-konnessjonijiet alternattivi.
Wieħed mit-transformers fiċ-Ċentru tax-Xewkija, li ġie installat lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, diġa ġie ttestjat u beda jaħdem mas-sistema tal-elettriku ftit tal-ġimgħat ilu. L-installazzjoni tat-tieni transformer, li nġieb fix-Xewkija miċ-ċentru eżistenti fil-Qala x-xahar li għadda, mistenni jitlesta fi ftit ġimgħat, meta ċ-ċentru tad-distribuzzjoni l-ġdid ikun jista’ jinxtegħel kollu kemm hu.
Il-proġett ta’ €80 miljun ta’ Enemalta plc, in-Network Reinforcement Project, huwa wieħed mill-akbar ħidmiet ta’ tkabbir tas-sistema fl-istorja tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku f’Malta.
L-għan ta’ dan il-proġett hu li jtejjeb l-affidabilità u l-flessibilità tas-sistema tal-elettriku tal-pajjiż. Minbarra ċ-ċentru tad-distribuzzjoni ġdid f’Għawdex, il-proġett jiġbor fih ukoll ħames ċentri tad-distribuzzjoni ġodda oħra.
Iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni f’St Andrew’s tlesta kmieni din is-sena waqt li dak f’Manoel Island wasal fl-aħħar fażijiet ukoll. Ċentri tad-distribuzzjoni ġodda qed jinbnew ukoll fil-Marsa, f’Rikażli u fl-Imrieħel. Tlieta miċ-ċentri tad-distribuzzjoni eżistenti, dawk fil-Marsa, f’Santa Venera u l-Mellieħa, qed jiġu mkabbra b’apparat ta’ switchgear u transformers ġodda wkoll.
Aktar minn 100 kilometru ta’ high voltage cables ġodda qed jitqiegħdu taħt l-art biex jinħolqu konnessjonijiet alternattivi ġodda li jgħaqqdu ħoloq ewlenin tas-sistema tad-distribuzzjoni f’lokalitajiet u nħawi differenti. Il-proġett jinkludi wkoll it-tibdil ta’ switchgear antik f’għadd ta’ 11 kV substations u l-introduzzjoni ta’ sistema awtomatika li tiffaċilità l-kontroll tagħhom.