Waqt żjara fi New York, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia kellu laqgħa mad-Direttur tal-UNICEF Olav Kjorven, fil-Kwartieri Ġenerali tal-UNICEF.
Il-Ministru Farrugia tkellem dwar għadd ta’ miżuri li ttieħdu fl-aħħar tliet snin f’pajjiżna li jħarsu l-interessi tat-tfal u dwar il-liġi tal-ħarsien tat-tfal li jinsabu fil-kura tal-Istat, kemm it-tfal Maltin kif ukoll it-tfal li jispiċċaw Malta b’modi irregolari.
Dr Farrugia qal li l-Ministeru qed jaħdem biex f’Malta tinfetaħ l-ewwel Children’s House kif ukoll dwar il-preparamenti għall-abbozzi ta’ liġijiet dwar ‘Id-Drittijiet tat-Tfal’ biex Malta ssir konformi mal-Lanzarote Convention.
Children’s House huwa kunċett li qed ikun imħaddan minn ħafna pajjiżi. Meta jkun hemm tfal li jkunu involuti f’każijiet fejn għadhom bżonn jixdhu l-qorti, ikunu jistgħu jattendu qorti speċjali għalihom, li tkun child-friendly. Dawn imorru darba, jixhdu hemm u mhux imorru spiss f’ambjent li mhux ideali għalihom.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-ftuħ tal-ewwel ċentru għar-riabilitazzjoni għal żgħażagħ taħt it-tmintax-il sena kif ukoll dwar il-ftuħ tal-ewwel ċentru ghal tfal b’imġiba akuta.
Min-naħa tiegħu d-Direttur Kjorven qal li dak li wettqet Malta fi żmien relattivament qasir huwa impressjonanti. Qal ukoll li bħala organizzazzjoni l-UNICEF qed tħares ’il quddiem b’entużjażmu biex titkellem mal-ministri Maltin anke fid-dawl ta’ bħalissa li pajjiżna għandu l-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Farrugia u d-Direttur Kjorven tkellmu dwar proġetti u inizjattivi ta’ fejda għat-tfal li jistgħu jsiru bi sħab bejn il-UNICEF u l-IFFD tal-Ġnus Magħquda, u Malta. Fi tmiem il-laqgħa l-Ministru Michael Farrugia u s-Sur Kjorven urew sodisfazzjon li kellhom l-opportunità li jiltaqgħu u jaqsmu ideat li minnhom mistenni joħroġ il-frott fil-ġejjieni qarib, b’risq it-tfal vulnerabbli.