L-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur għaddejja b’ħidma sabiex tassigura li oġġetti essenzjali bħal sanitizers, maskli tal-wiċċ u ingwanti jkunu tal-ogħla kwalità possibbli sabiex joffru protezzjoni lil dawk li jużawhom.
Id-direttur għall-affarijiet regolatorji fi ħdan l-Awtorità Ingrid Borg, qalet li għal dan il-għan hemm tim apposta li jkun f’kuntatt kontinwu mal-fornituri tal-prodotti.
“Għandna team iddedikat kemm biex jara x’inhu jiġri ħalli jekk naraw xi ħaġa li hemm xi prodotti dubjużi nkellmu l-importaturi u nagħmlu evalwazzjoni tal-prodott”
Fid-dawl taż-żieda ta’ prodotti li jżommu l-iġjene, is-Sinjura Borg qalet li l-Awtorità ħasbet biex tipprovdi lista ta’ sanitizers li jistgħu jintużaw f’pajjiżna.
“Għandna lista tas-sanitizers kollha li jistgħu jintużaw hawn Malta. Dak li jkun ikun jista jidħol u jara x’jista jintuża u x’ma jistax. Apparti min hekk qed noħorġu press releases fuq il-website u l-media soċjali tagħna.”
Semmiet ukoll li qed issir ħidma biex fi żmien qasir tkun ifformolata lista ta’ maskli li jistgħu jintużaw.
Mistoqsija dwar x’miżuri jistgħu jieħdu l-klijenti li xtraw xi maskla tal-wiċċ jew sanitizer li mhux tal-kriterji stabbiliti, qalet li dawn jistgħu jagħmlu kuntatt mal-awtorità, anka permezz tas-sit.
Minn hemmhekk tiskatta l-evalwazzjoni minn-naħa tal-awtorita.
“Għandna din l-online application jisimha flag a concern, kemm jidħol fuq il-website tagħna mccaa.org.mt, isibha mal-ewwel fil-homepage u hemmhekk jista’ jgħidilna l-concern tiegħu fuq il-prodott jew any concern li jista’ jkollu.”
Intant, s-sinjura Borg qalet li l-Awtorità tinsab f’kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet tas-saħħa pubblika u d-dipartiment tas-saħħa.
“Bħala x’tip ta’ informazzjoni nistgħu nagħtu lill-pubbliku u lill-operaturi kif ukoll fuq prodotti li jista’ jkun hemm għandhom bżonn għajnuna, kif nistgħu ngħinuhom li l-affarijiet huma siguri u li jistgħu jintużaw.”