Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità għaddejja b’ħidma biex fix-xhur li ġejjin tressaq proposti sabiex tissolva diskriminazzjoni fil-konfront ta’ persuni b’diżabilità meta jiġu biex jixtru proprjetà.
F’konferenza tal-aħbarijiet li fiha ġie ppreżentat ir-rapport annwali bejn Ottubru 2016 u Settembru 2017, intqal kif persuni b’dizabilità isibu xkiel meta jiġu biex jagħmlu poloz ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja, element bżonnjuż biex jiehdu self biex jixtru dar.
Fil-fatt illum il-ġurnata persuni b’diżabilità, jew ma jitħallewx jagħmlu din l-assigurazzjoni, jew ikollhom iħallsu ferm iżjed minn ohrajn. Diskriminazzjoni, spjegalna l-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità, Oliver Scicluna, li s’issa ma nsibuhiex fil-liġi tagħna.
Fi preżentazzjoni li saret minn Dr Bernard Busuttil, Uffiċjali tal-Kummissjoni, ġie nnutat li bejn Ottubru 2016 u Settembru 2017 il-Kummissjoni daħlulha 203 ilmenti, fejn l-ogħla numru baqgħu dwar l-aċċessibbiltà, l-iktar fiżika f’binjiet u bankini.
Ġie nnutat ukoll kif fl-aħħar snin bosta persuni b’diżabilità daħlu fid-dinja tax-xogħol, u għaldaqstant in-natura tal-ilmenti nbidlet, minn nuqqas ta’ xogħol għal sfidi fid-dinja tax-xogħol, pass meqjus awtomatiku fil-mixja pożittiva ’l quddiem għal persuni b’diżabilità.
Dwar il-bidla fil-liġi dwar l-Opportunitajiet Indaqs fl-elfejn u sittax, u l-kisbiet li saru, il-Kummissarju Scicluna qal li l-Kummissjoni se tkompli taħdem biex tegħleb kull ostaklu għall-persuni b’diżabilità .
Ir-rapport wera li l-parti l-kbira mill-ilmenti kienu fil-konfront tal-Gvern hekk kif ukoll l-akbar fornitur tas-servizzi.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari Tony Agius Decelis qal li l-Gvern se jkomplu bil-ħidma biex jindirizza dawn l-ilmenti, u saħaq li n-numru għoli ta’ rapporti jixhed il-fiduċja kbira li n-nies għandhom fil-Kummissjoni, li twettaq xogħol siewi ħafna id f’id mas-segretarjat.