Wara li l-Youtubers Maltin issa qed jitħallsu tal-materjal li jtellgħu fuq Youtube , Fabian Borg reġa’ għamel petizzjoni oħra, din id-darba sabiex il-filmati li jtellgħu Maltin fuq Facebook ukoll ikunu mħallsa. Dan huwa pass ieħor fil-ġlieda ta’ Borg kontra d-diskriminazzjoni li dawn il-pjattaformi soċjali fuq l-internet għamlu mal-Maltin fl-aħħar snin.
Huwa saħaq li wara l-kisba li saret ma’ Youtube issa kien pass naturali li jibdew in-negozjati ma’ Facebook:
“Huwa pass naturali prattikament, qisu dominoe effect ngħidlu jien, fejn qed nindirizzaw is-social media kollha li isma daqsekk iddiskriminajtu l-pajjż tagħna u l-Maltin għandhom jingħataw l-istess kundizzjonijiet u tgawdija bħal membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea”.
Filwaqt li Malta hija l-iżgħar stat membru tal-Unjoni Ewropea, skond statistika tal-Eurostat Malta hija t-tieni l-iktar pajjiż, b’87% tal-Maltin jużaw Facebook. Dan filwaqt li 75% tal-intrapriżi Maltin ukoll jużaw Facebook bħala pjattaforma ta’ reklamar.
Filwaqt li n-negozjati ma’ Facebook diġa bdew u jidher li bil-mod il-mod se jkunu qed iħallu l-frott, Fabian Borg stqarr li il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni mal-Maltin se tkompli tikber u tinfirex fuq pjattaformi differenti.
“Hemm pjattaformi oħra li wkoll qed jiddiskriminaw kontra l-pajjiż tagħna u li eventwalment se naslu għalihom ukoll”.
Kull min jixtieq jgħati l-appoġġ tiegħu jista’ jiffirma l-petizzjoni hawn.