Ftit sigħat qabel ONE jibda bl-iskeda tal-ħarifa, il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph De Battista tkellem dwar l-investiment massiċċ li qed jagħmel l-istazzjon ONE.
Quddiem folla mdaqqsa għatxana biex tisma’ l-messaġġ tal-Prim Ministru fl-ewwel attività politika tal-Partit Laburista f’din il-ħarifa, Randolph De Battista saħaq li ONE se jkollu OB Unit ġdid li jxandar b’sistema 4K.
Spjega li dan il-vann li jxandar minn kullimkien barra l-istudjos fil-Marsa se jkun bl-aqwa teknoloġija avvanzata u se jservi ta’ għodda biex il-Partit Laburista jkompli jwassal il-messaġġ tiegħu.
Randolph Debattista rrimarka li ONE dalwaqt se jiċċelebra l-25 anniversarju minn mindu beda jxandar fuq it-televiżjoni.
“B’dan l-OB Unit se nagħtu rigal lill-ONE u dawk kollha li għandhom qalbhom tħabbat għal dan l-istazzjon fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju importanti”, saħaq il-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista.
Hawnhekk irringrazzja lill-ħaddiema kollha, li b’tant sagrifiċċji dejjem kienu ta’ servizz għat-telespettaturi u semmiegħa.
Qal ukoll li l-istazzjon irrefletta fuq dak li kiseb fil-passat iżda issa qed iħares ‘il quddiem biex jagħmel aktar u aħjar.
F’dan il-kuntest Randolph De Battista spjega kif l-iskeda li ġejja toffri sfidi iżda se tagħti wkoll produzzjonijiet ta’ kwalità għal dawk kollha li jsegwu ONE.
Dr. Debattista tkellem ukoll fuq l-investiment ieħor li qed isir f’ONE fosthom fil-kamra tal-aħbarijiet li ftit tal-ħin ieħor se tiġi inawgurata mill-Prim Ministru Dr. Joseph Muscat.
Lejn tmiem l-indirizz tiegħu, Randolph De Battista fakkar li l-għażla tal-post tal-ewwel attività politika f’din il-ħarifa ma saritx b’kumbinazzjoni.
Spjega kif ONE fil-Marsa huwa l-qalb u l-pulmun tal-Partit Laburista għaliex huwa minn dan il-post minn fejn joħroġ il-messaġġ tal-partit.