Enemalta plc għaddejja b’ħidma biex tqiegħed medda ta’ 10 kilometri ta’ cables ta’ vultaġġ għoli fi trinek taħt l-art fil-Mellieħa sabiex tneħħi l-arbli għoljin bil-linji antiki li bħalissa jwasslu l-elettriku f’Għawdex.
Permezz ta’ investiment ta’ ‘l fuq minn €1.6 miljun, il-Kumpanija qed ittejjeb l-affidabilità u s-sigurtà tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku li tissupplixxi l-gżira Għawdxija.
Il-bdil ta’ din is-sistema ta’ linji mdendlin fuq arbli għoljin ma’ cables taħt il-livell tat-triq inaqqas ir-riskji ta’ ħsarat bil-maltemp u ta’ għadd ta’ diffikultajiet oħra relatati mal-operat, tiswija u manutenzjoni tal-linji fuq l-arbli.
Din il-ħidma se telimina wkoll id-dehra ta’ dawn l-arbli kbar u l-linji għaddejjin minn kilometri ta’ kampanja fil-Mellieħa.
Il-klijenti ta’ Enemalta f’Għawdex u f’Kemmuna bħalissa jirċievu l-elettriku minn cables impoġġija f’qiegħ il-baħar jitilqu minn Malta miċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni Vendôme li jinsab fil-Bajja tal-Armier. Dan iċ-ċentru jirċievi l-elettriku miċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Mellieħa permezz ta’ tliet konnessjonijiet.
Tnejn minn dawn il-konnessjonijiet jinkludu sett ta’ linji ta’ 33 kilovolt imdendlin fil-għoli ma’ 33 arblu, jew torrijiet tal-ħadid, mifruxa fuq distanza ta’ 4.5 kilometri fil-kampanja bejn iż-żewġ ċentri tad-distribuzzjoni tal-elettriku.
Dawn l-arbli, li uħud minnhom ilaħħqu mat-tmien sulari għoli, kienu nbnew bejn l-1986 u l-1988. Fil-fatt, il-linji ta’ 33 kilovolt imdendlin magħhom huma l-itwal medda ta’ dan it-tip li għadhom jintużaw f’Malta. Ir-rotta tagħhom tibda biswit l-inħawi residenzjali tal-lokalità, tinżel għall-Bajja tal-Għadira, qabel terġa’ titla’ lejn l-inħawi tat-Torri l-Aħmar fl-Aħrax tal-Mellieħa, sakemm jaslu fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni Vendôme.
Aktar kmieni dan ix-xahar Enemalta bdiet tqiegħed żewġ XLPE-insulated cables ta’ 33 kilovolt fi trinek taħt il-livell tat-triq, bejn iż-żewġ ċentri tad-distribuzzjoni. Malli dawn iż-żewġ meded ta’ cables jitqabbdu u jibda jgħaddi l-elettriku minnhom, il-linji l-antiki fuq l-arbli jkunu jistgħu jiżżarmaw.
L-ewwel fażi tal-proġett tinkludi x-xogħol ta’ tħaffir u t-tqegħid tal-cables fl-inħawi tal-Bajja tal-Għadira. Dawn ix-xogħlijiet mistennija jitlestew qabel is-sajf.
Bejn Ġunju u Settembru Enemalta ser tkompli tqiegħed il-cables f’sezzjonijiet oħra tar-rotta biex tevita li jinħolqu inkonvenjenti tat-traffiku viċin il-bajjiet fl-inħawi. L-aħħar tħaffir u tqegħid ta’ cables ikun lest fil-ħarifa 2017.
Bħala parti minn dawn ix-xogħlijiet Enemalta qed issaħħaħ ukoll il-kapaċità tal-provvista fl-inħawi tal-Bajja tal-Mellieħa permezz tal-iżvilupp ta’ substation ta’ 11 kilovolt ġdida.
Matul dawn l-aħħar sentejn, il-provvista tal-elettriku għal Għawdex kienet imsaħħa b’għadd ta’ proġetti oħra, fosthom dak fl-2015 li fih l-Enemalta xegħlet ċentru tad-distribuzzjoni ġdid fix-Xewkija sabiex jipprovdi s-sigurtà tal-provvista meħtieġa billi tintemm id-dipendenza tal-gżira fuq iċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Qala li beda jintuża fl-1987.
Dan ix-xogħol ta’ tisħiħ fil-provvista tal-elettriku lejn Għawdex jifforma parti mill-investiment ta’ aktar minn €80 miljun fit-tisħiħ tas-sistema tad-distribuzzjoni tal-elettriku tal-pajjiż u li Enemalta bdiet fl-2014. B’dan l-investiment il-Kumpanija qed issaħħaħ l-affidabilità u l-flessibilità tas-sistema nazzjonali tat-tqassim tal-elettriku waqt li tipprovdi l-infrastruttura meħtieġa biex tilqa’ għad-domanda għall-elettriku mill-klijenti, li qed tiżdied minn sena għal oħra f’għadd ta’ nħawi tal-gżejjer Maltin.
Il-proġett jinkludi wkoll tisħiħ ta’ erba’ ċentri tad-distribuzzjoni eżistenti bl-installazzjoni ta’ apparat ġdid, sabiex jitneħħa apparat antik waqt li tiżdied il-kapaċità u l-affidabilità tagħhom.
Is-sistema tad-distribuzzjoni qed tissaħħaħ ukoll permezz ta’ aktar minn 100 kilometru ta’ cables ta’ vultaġġ għoli sabiex jiżdiedu l-konnessjonijiet bejn inħawi differenti tal-pajjiż. Kien hemm ukoll investiment f’aktar minn 200 11kV substation b’apparat ġdid.