Fl-2018 huwa stmat li ser jinġema’ mal-40 miljun tunnellata ta’ skart elettroniku minn madwar id-dinja; bħal kompjuters, mowbajls, u televixins. Skart li meta ma jiġix riċiklat, isir materjal tossiku.
Fil-Jum Dinji kontra r-Rimi tal-Iskart Elettroniku, il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp sostenibbli u tibdil fil-klima organizza attività biex bl-għajnuna ta’ nies tekniċi, iqajjem aktar għarfien dwar apparat elettroniku fost tfal u adulti.
Id-Direttur għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Ruth Debrincat, spjegat li l-għan ewlieni huwa li permezz ta’ attivitajiet ta’ dan it-tip, titqajjem kuxjenza dwar l-immaniġjar u l-għaqal fejn jidħol ir-rimi tal-iskart elettroniku:
“Illum qed niċċelebraw International E-Waste Day. Din il-ġurnata qed niċċelebrawha biex inkabbru għarfien dwar skart ta’ tgħamir elettriku u elettroniku li ma għandniex naqbdu u narmuh. L-ewwel għandna nipruvaw insewwuh imbagħad meta ma jifdalx użu għalih nirriċiklawh”.
Din l-attività ġiet organiżżata b’kollaborazzjoni ma Wasterserv Malta u l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi.