L-Awtorità tad-Djar bdiet b’ħidma intensiva sabiex tnaqqas u telimina l-abbuż fil-qasam tal-akkomodazzjoni soċjali.
Qal dan il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay f’intervista ma’ ONE News.
Fost il-ħidma kollettiva li bdiet semma kif inbdew proċeduri legali biex persuni li qed jokkupaw 42 propjetà residenzjali jew art fabrikabbli mingħajr titlu, jiġu ordnati jagħtu lura l-pussess tar-residenzi jew l-art.
Dan filwaqt li tnediet inizjattiva sabiex inkwilini anzjani li jmorru jgħixu f’residenzi għall-anzjani jiġu mħeġġa jirritornaw iċ-ċwievet tal-proprjetà mikrija lilhom u b’hekk jevitaw li l-post jibqa’ battal.
Sa issa ġew irritornati 37 proprjetà permezz ta’ din l-inizjattiva.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, is-Sur Leonid McKay qal: “Anzjani jew persuni kbar fl-età li marru jgħixu f’residenzi għall-anzjani ma jħallux il-post tagħhom vojt iżda jirritornaw lura ċ-ċavetta lill-Awtorità u ta’ dan huma jingħataw ukoll benefiċċju.”
L-istess Awtorità qed tieħu ħsieb li twettaq spezzjonijiet ta’ rutina sabiex jiġu identifikati propretajiet li huma battala jew mhux abitati mill-inkwili rikonoxxuti.
Fil-fatt f’dawn l-aħħar 3 snin saru aktar minn 4,400 spezzjoni ta’ rutina fejn minnhom ħarġu li 122 appartament jew kienu battala jew ma kienux abitati mill-inkwilini rikonoxxuti.
Qed jitwettaq skrutinju rigoruż ukoll fuq l-applikament għall-akkomodazzjoni soċjali sabiex jaraw min verament ħaqqu l-għajnuna.
Is-Sur McKay sostna: “Naraw il-persuni li qed jitolbu din id-darba postijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali ma jkunux fuq il-waiting list mingħajr ma nkunu nafu x’inhuma verament il-bżonnijiet neċessarji tagħhom u allura għamilna proċess ta’ profiling fejn kull persuna li qed jitlob post mill-Awtorità tad-Djar nkunu nafu min hu, min hi, x’inhuma l-bżonnijiet tagħhom u min inkunu nafu kemm huma verament fil-bżonn.”
Intant il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes waqt id-diskors parlamentari tiegħu ta’ wara l-Budget qal li mhux se jittollera aktar abbużi f’dan il-qasam.
Il-Ministru Galdes stqarr: “Ħa nkun ċar. Ħa nkun cruel to be kind għax hekk hemm bżonn. Jekk inti għandek nies li qed jabbużaw mis-servizzi soċjali allura huwa l-obbligu tal-istat li jara li dil-proprjetà tintuża tajjeb u sewwa tagħmel l-Awtorità li bħalissa qed tagħmel eżerċizzju ta’ infurzar u l-infurzar qed jiżdied.”