Għalhekk, is-sezzjonali tal-indafa pubblika fi ħdan id-direttorat Eko Għawdex tul is-sena twettaq bosta interventi ta’ tindif u manutenzjoni sabiex tippreserva dawn il-postijiet naturali.
Bħalissa, il-ħaddiema għaddejjin b’tindif fil-wied tant popolari ta’ Marsalforn, fejn id-direttur ta’ Eko Għawdex Joseph Cutajar, spjega kif il-maltemp b’xita qalila ħoloq sfida ġdida.
Qal, “Il-ħaddiema tagħna qegħdin inaddfu mill-wied materjal li jista’ jimblokka l-kors tal-ilma. Wara kull xita li tinżel il-wied iġorr miegħu ħafna materjal bħal ma huwa skart ta’ plastik u materjal organiku ieħor li jimblokka l-passaġġ tal-ilma b’konsegwenzi ta’ għargħar fl-inħawi ta’ mal-wied. Għalkemm il-wied jitnaddaf mill-istess ħaddiema b’mod regolari, dan l-iskart ħafna drabi qed jinġarr minn postijiet oħra fosthom anke mill-ilma tax-xita li jinżel mit-toroq.”
Din mhix l-unika ħidma li qed titwettaq minn Eko Għawdex, hekk kif ħafna drabi jkun hemm il-bżonn ta’ restawr ta’ ħitan tas-sejjieħ li jdawru u jsebbħu ż-żoni rurali tal-gżira tat-tliet għoljiet.
L-appell ta’ Eko Għawdex, huwa wieħed; dak li nkunu responsabbli u ma narmux skart fuq barra għax jista’ joħloq konsegwenzi xejn sbieħ fuq il-widien u n-natura.
Intant, fi tweġiba parlamentari li ta l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, qal li fix-xhur li għaddew inkisbu numru ta’ permessi sabiex jitnaddfu l-widien madwar Għawdex.