Id-Dipartiment li jieħu ħsieb il-widien u d-Diviżjoni tal-Manutenzjoni u t-Tindif għamlet xogħol importanti fil-widien madwar Malta u Għawdex.
Permezz ta’ din il-ħidma, ma kienx hemm rapporti ta’ ħsarat fil-widien fl-ewwel maltempati.
F’din il-ħidma tneħħew mitt tunnellata ta’ skart fosthom skart domestiku u skart tal-kostruzzjoni li ntremew b’mod illegali u nbena lqugħ permezz ta’ ħitan tas-sejjieħ.
Waqt żjara f’wieħed mill-widien il-Ministru Julia Farrugia Portelli qalet kif din il-ħidma tmur paripassu mal-proġett li tħabbar f’Lulju li għadda b’investiment ta’ sbatax-il miljun ewro.
Hija qalet: “Dan ifisser li b’kollox aħna stajna nikkonsolidaw il-ħidma tagħna. Rajna f’dan il-wied partikolari mhux biss il-500 siġra illi kienu qed jinżegħru tul ix-xhur li għaddew, imma l-eluf ta’ tunnelati li nġabru, li grazzi għal hekk imbagħad kellna sitwazzjoni fejn il-widien setgħu jiġbru aktar ilmijiet.”
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega kif dawn il-ħaddiema naddfu diversi postijiet madwar Malta.
Huwa stqarr: “L-entitajiet qed inħarsu li jkollna inqas waste. Nitolbu l-għajnuna tagħkom biex fl-aħħar mill-aħħar tiffaċilitaw ix-xogħol tagħna u fl-istess ħin ikollna Malta ħafna isbaħ.”
Sal-aħħar ta’ Awwissu, nġabru ħdax-il elf tunellata ta’ skart mormi illegalment madwar il-pajjiż.