Il-Gvern qed jaħdem fuq proġett ambizzjuż multi-miljunarju biex fil-gżira Għawdxija jinbena kampus ġdid tal-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST. Dan huwa parti mill-investiment li qed jagħmel il-Gvern u l-impenn li għandu għall-edukazzjoni fil-gżira tat-tliet għoljiet.
Dan tħabbar waqt żjara li għamlet il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana fil-kampus preżenti tal-MCAST f’Għawdex.
Il-Ministru Caruana ħabbret ukoll illi tnieda dokument għall-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan strateġiku tal-MCAST għas-snin 2022 u 2027. Dan apparti li fil-jiem li ġejjin se jitressaq Abbozz ta’ Liġi fil-Parlament sabiex ikompli jissaħħaħ l-MCAST.
Il-Prinċipal tal-MCAST James Joachim Calleja qal li kull sena l-MCAST jieħu l-opportunità biex ikun fuq quddiem tal-iżvilupp ekonomiku u biex jieħu d-deciżjonijiet meħtieġa li jgħinu jsawwru s-suq tax-xogħol.
Qal, “Se jkollna wkoll laqgħat speċifiċi ma min iħaddem kif ukoll ma stakeholders oħrajn, NGOs biex l-istrateġija nagħtuha dik il-forza li għandha bżonn biex l-MCAST jieħu l-pass li jmiss għal profil aħjar u jattira aktar studenti lejh.”
Il-Ministru Caruana spjegat li qed tħares lejn il-futur tal-MCAST fuq diversi livelli: żvilupp infrastrutturali, it-tisħiħ tal-kwalità tat-tagħlim u li jkunu attirati aktar studenti mil-livell sekondarju għall-MCAST.
Spjegat, “Qed naraw kif permezz ta’ dawn iż-żewġ dokumenti l-pubbliku qed jiġi mistieden biex ukoll jipparteċipa fil-konsultazzjoni għax irridu MCAST illi jkun tal-komunità u għall-komunità.”
Il-Ministru Caruana ħeġġet lil dawk kollha li għandhom is-settur edukattiv għal qalbhom biex jipparteċipaw fil-konsultazzjoni pubblika fuq il-pjan strateġiku tal-MCAST għaliex l-opinjoni ta’ kulħadd hija importanti.
Id-dokument imniedi l-Ħamis filgħodu jinsab għall-konsultazzjoni pubblika fuq is-sit: meae.gov.mt