Hekk kif ix-xogħol fuq proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fil-Marsa qiegħed javvanza sew, ir-residenti ta’ din l-istess akkomodazzjoni se jgawdu minn aċċessibilità aħjar grazzi għal proġett ta’ tisbiħ kemm fil-proġett innifsu u anke fl-inħawi.
Il-proġett jinkludi żvilupp ta’ passaġġi u rampi li jiffaċilitaw l-aċċessibilità tar-residenti filwaqt li għaddejja ħidma li tindirizza l-problema ta’ diżlivell li hemm f’din iż-żona.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes spjega kif din il-ħidma se tipprovdi ambjent isbaħ u aktar sigur f’din iż-żona.
“Ix-xogħol issa miexi ġmielu, investiment ta’ miljun ewro f’aċċessibilità mhux biss għall-anzjani, għan-nies li jgħixu hawn, għan-nies li jgħixu f’din iż-żona imma wkoll minn aspett ambjentali. Qed nagħtu ħajja mill-ġdid iż-żona ta’ madwar dan il-qasam tad-djar importanti, wieħed mill-akbar li hawn f’pajjiżna.”
Fil-fatt, fiż-żona madwar l-akkomodazzjoni soċjali se jinbena wkoll bandli ġdid għat-tfal u se jitneħħew xi strutturi mill-Awtorità tad-Djar li kienu jokkupaw spazju pubbliku mingħajr permess.
Din il-ħidma fil-Marsa hija biss proġett wieħed minn tlieta li qed isiru f’Santa Luċija u l-Mosta u kollha huma ffinanzjati minn fondi Ewropej.
“Il-Marsa biss l-ispiża hija ta’ wieħed punt wieħed miljun ewro li turi l-commitment li għandu l-Gvern flimkien mal-Kummissjoni Ewropea illi jara li dawn il-fondi jintużaw ukoll b’mod soċjali biex bil-landscaping illi ħa jsir propju l-Marsa u l-postijiet l-oħra li semmejt naraw illi l-familji tagħna jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.”