Hibernians għamluha għar-round tas-16 tal-Meridianbet FA Trophy meta ftit li xejn tħabtu biex għelbu l-isfida ta’ Zebbug Rangers bl-iskor konvinċenti ta’ 3-0.
Kien biss fl-20 minuta li waslet l-ewwel azzjoni denja ta’ nota b’Zebbug ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Ayinde Adeyemi ġie wiċċ imb’wiċċ mal-goalkeeper tal-Pawlisti, Hugo Sacco, li salva tajjeb.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fid-39 minuta, freekick insidjuż ta’ Camilo Diaz ġie mdawwar f’corner bi bravura minn Sacco.
Iżda kienu Hibernians li fetħu l-iskor fit-43 minuta meta l-Brażiljan FELICIO CARVALHO MULLEN NATHA minN pożizzjoni ferm ideali tefa’ wara l-goalkeeper ta’ Zebbug, Jamie Azzopardi, bl-istess player iweġġa’ fl-azzjoni tal-goal, u kawża t’hekk ġie sostitwit fil-mistrieħ.
L-ewwel azzjoni denja ta’ nota fit-tieni taqsima waslet fil-55 minuta b’Hibernians ikunu huma li joħolqu l-periklu meta Alfred Silas indirizza cross pinġut fid-direzzjoni tal-Arġentin Federico Falcone li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tiġi salvata mill-goalkeeper ta’ Zebbug, Jamie Azzopardi.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u tliet minuti wara RODRIGO KHEVIN FRAGA kien fil-post it-tajjeb fil-mument opportun u b’xamma kbira għall-goal mill-viċin tefa’ ġewwa.
Kulma jmur kompla d-dominju assolut tat-tim minn Raħal Ġdid u fis-76 minuta ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tielet goal li wasal minn daqqa ta’ ras preċiża mill-viċin tal-Brażiljan, ALEX BRUNO DE SOUZA SILVA.
Il-Pawlisti komplew jamministraw il-vantaġġ komdu li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Emanuel Grech