Fl-ewwel partita tas-Sibt wara nofsinhar fic-Centenary Stadium, Sirens m’għamluha xejn faċli lill-Hibernians minkejja li dawn tal-aħħar irnexxilhom jieħdu t-tlett punti f’logħba ddominata mir-riħ qawwi u f’xi ħin anke x-xita li xejn ma għamlu l-kontroll faċli għall-plejers taż-zewġ teams.
Hibernians fetħu fuq l-attakk u resqu qrib fir-raba’ minuta meta xutt ta’ Jurgen Degabriele ħabat mal-lasta l-wieqfa minn kross ta’ Da Souza Silva. Bir-riħ favurihom Hibernians dehru dominanti u fetħu l-iskor fit-22 minuta meta Giannis Bastianos fajjar xutt minn madwar 25 metru bogħod li ħasad lill-goalkeeper Akpan u spiċċa fix-xibka.
Hibernians irduppjaw fit-42 minuta meta minn azzjoni ta’ korner mogħti minn Bastianos, Claudio Bonanni mill-qrib spara l-ballun fis-saqaf tax-xibka.
Tliet minuti biss wara Hibernians resqu qrib li jkabbru l-vantaġġ iżda l-goalkeeper Akpan ħareġ tajjeb jimblokka fuq Degabriele wara li dan inġieb f’qagħda tajba minn Rodney Antwi.
Fit-tieni taqsima kienu Hibernians li ħolqu l-ewwel periklu li wasal fid-49 minuta meta Kurt Shaw ikkrossja għan-nofs u d-daqqa ta’ ras ta’ Ferdinando Apap ġiet ikklerjata mid-difensur Tiago Almeida. Sirens ħolqu l-ewwel azzjoni perikoluża fit-63 minuta meta minn azzjoni ta’ freekick Kwansi Donsu spara xutt li ħabat mal-lasta l-mimduda.
Żewg minuti biss wara kien Rocha Brizolara li ttanta xortih għal Sirens b’xutt li hezzez il-lasta wkoll.
Fis-67 minuta mbaghad kien Boakye Owusu li fajjar xutt ċentrali minn barra l-kaxxa imma l-goalkeeper Kone mblokka tajjeb.
Sirens irnexxielhom inaqqsu l-marġini u jerġgħu jidħlu fil-logħba fid-79 minuta meta Frank Boateng li kien għadu kif dahal flok Rocha Brizolara għeleb lil Kone b’xutt għar-rokna.
Iżda minkejja l-isforzi tagħhom, huma naqsu milli jkunu effettivi sat-tmiem, anzi fil-ħin miżjud kienu Hibernians li resqu qrib permezz ta’ xutt ta’ Da Souza Silva li ġie mblukkat tajjeb mill-goalkeeper Akpan.
Referee: Glenn Tonna
Plejer tal-Logħba: Giannis Bastianos (Hibernians FC)