Wara t-telfa umiljanti ta’ 4-0 kontra l-ġirien Zabbar SP, b’wirja ta’ karattru Hibernians irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mosta bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu wieħed f’kull taqsima, b’doppjetta personali tal-Player tal-Logħba, Lucas Lapert Villela.
Kienet rebħa meritata għall-Pawlisti li ddominaw lill-avversarji għall-ħinijiet twal fil-partita u dehru tattikament ferm organizzati. Minn naħa l-oħra kien mistenni iktar mill-Blues speċjalment wara r-rebħa ta’ 2-1 kontra Marsaxlokk fil-jiem preċedenti.
Hibernians kellhom nieqsa lil Jurgen Degabriele u Lucas Caruana minħabba li qed jirkupraw minn injury.
Kienu Hibernians li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss ħames minuti l-Arġentin Federico Falcone kellu xutt minn pożizzjoni ideali li ntemm għoli.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-16-il minuta fetħu l-iskor meta wara li rċieva minn cross pinġut, Lucas Lapert Villela ikkontrolla u dar tajjeb qabel venven xutt sabiħ mill-viċin li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper ta’ Mosta, Jorgen Dembe.
Kulma jmur kompla d-dominju tal-Pawlisti u fit-32 minuta freekick ta’ Alex Bruno De Souza Silva ġie devjat f’corner mill-barriera ta’ Mosta.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Hibernians komplew bl-istess ritmu tal-ewwel waħda u fil-55 minuta rduppjaw l-iskor meta wara li rċieva il-ballun minn cross, Falcone niżżel il-ballun b’sidru lejn LUCAS LAPERT VILLELA li mill-viċin spara ġewwa biex b’hekk irreġistra doppjetta personali.
Mosta wieġbu għall-ewwel darba fis-76 minuta permezz ta’ freekick ċenetrali u insidjuż tal-captain Clayton Failla li ġie salvat b’diffikultá mill-goalkeeper Spanjol tal-Pawlisti, Nuno Pablo Sanchez.
Huma komplew fuq l-offensiva fit-tentattiv li jnaqqsu l-marġni tal-iskor u erba’ minuti wara, is-sostitut Joshua Agyemang avvanza tajjeb iżda sab lil Nuno Sanchez li ħareġ barra minn postu biex interċetta kull periklu.
Hibernians irrispondew fit-82 minuta permezz ta’ freekick ta’ Ilias Martinis li ntemm ferm għoli.
Mosta reġgħu ħolqu l-periklu fl-84 minuta permezz ta’ xutt fil-baxx minn barra l-kaxxa ta’ Agyemang li iżda rriżulta bħala wieħed fraġli u ġie salvat minn mal-art minn Nuno Sanchez.
Madankollu, kienu Hibernians li komplew jamministraw il-vantaġġ doppju li kellhom sa tmiem il-partita.
Referee: Slobodan Petrovic
Plejer tal-Logħba: Lucas Lapert Villela (Hibernians FC)