F’partita li pproduċiet xejn inqas minn ħames goals, Hibernians irritornaw għar-rebħ meta għelbu ll Sliema W. bl-iskor ta’ 3-2, b’din tkun it-tieni telfa għall-Blues f’Jannar wara dik ta’ 1-0 kontra Zabbar SP fil-bidu tas-sena kalendarja 2025.
Hibernians fetħu l-iskor proprju fl-ewwel periklu li ħolqu fit-18-il minuta meta Bjorn Kristensen għadda tajjeb lejn LUCAS VILLELA li permezz ta’ xutt fil-baxx spara l-ballun fix-xibka. Iżda tliet minuti biss wara Sliema ġabu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn cross pignut ta’ Myles Beerman, VITO PLUT, permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ ġewwa.
Fil-25 minuta, il-Pawlisti reġgħu marru fil-vantaġġ meta ILIAS MARTINIS approfitta minn indeċiżjoni tal-goalkeeper tal-Wanderers Kelvin Emeka Agu u minn anglu strett tefa’ ġewwa.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, eżattamnt fil-51 minuta, Hibernians għamluhom tlieta meta KHEVIN FRAGA seraq il-ballun mingħand Gustavo Alcino qabel ixxamplat tefa l-ballun wara Emeka.
Il-partita kienet tidher mirbuħa u mitlufa iżda Sliema daħlu lura fil-logħba fl-64 minuta meta l-Ukren MAKSYM PRIADUN li kien ilu fil-ground ftit iktar minn erba’ minuti, tefa’ ġewwa wara li prattikament kien miss l-ewwel ballun fil-partita.
Id-difiża ta’ Sliema kompliet turi nuqqasijiet fid-79 minuta meta Alex Bruno De Souza Silva ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Emeka Agu iżda ra lil dan tal-aħħar isalva tajjeb.
Sliema tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs u fis-87 mijta Myles Beerman kellu x-xutt bid-dawra tiegħu li għadda għoli biex fid-90 minuta Wescley ipprova jissorprendi lill-goalkeeper ta’ Hibernians Hugo Sacco, iżda dan tal-aħħar wettaq save stupend biex ċaħħad lill-Wanderers milli joħorġu almenu b’punt mill-partita.
Referee: Glen Tonna
Plejer tal-Logħba: Alex Bruno De Souza Silva (Hibernians FC)